Friday, April 19, 2024

“Kburija li kkontribwixxejt għal suq diġitali aktar ġust” – Il-MPE Josianne Cutajar

Aqra wkoll

Waqt l-aħħar plenarja tas-sena fi Strasburgu, il-Parlament Ewropew approva b’vot b’saħħtu l-pożizzjoni tiegħu favur l-Att dwar is-Swieq Diġitali, proċess leġislattiv li l-Ewro-Parlamentari Maltija Josianne Cutajar ikkontribwixxiet għalih bħala n-negozjatriċi f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu.

Il-pożizzjoni tal-Parlament ġiet ivvutata propju f’perjodu meta t-teknoloġija u s-suq diġitali qed ibidlulna ħajjitna b’mod mgħaġġel, bidliet mgħaġġla li wasslu wkoll għall-bżonn ta’ regoli ġodda fuq livell Ewropew.

Fl-ewwel reazzjoni tagħha, Dr Cutajar qalet kif “grazzi għal din ir-regolazzjoni, ser inkunu qegħdin naraw li jidħlu fis-seħħ miżuri ċari li jirregolaw sa meta pjattaformi diġitali jridu jikkonformaw ma’ diversi regoli, mingħajr ma jużaw lakuni legali biex jaħarbu mir-restrizzjonijiet mitfugħa fuqhom.”

Din ir-regolazzjoni, se tassigura wkoll li n-negozji u lukandi, inkluż dawn żgħar u medji, li jirreklamaw fuq pjattaformi kbar, ma jkunux ristretti milli jirreklamaw prezzijiet differenti fuq is-sit tagħhom, per eżempju, għaliex din hija xi ħaġa li żżidilhom il-kapaċita’ li jikkompetu u li taqbel ukoll għall-konsumatur.

L-Ewro-Parlamentari Laburista rrimirkat ukoll dwar l-importanza tal-punt li permezz ta’ dawn ir-regoli se jiġu pprovduti aktar għażliet trasparenti lill-konsumatur meta jkun qed ifittex fuq l-internet. Dan anke peress li mhux se jkun permissibbli aktar li pjattaformi onlajn jagħtu preferenza lis-servizzi u prodotti tagħhom infushom, fuq dawk provduti minn lukandi u negozji oħra li jkunu fuq l-istess pjattaforma.

Hawnhekk Josianne Cutajar temmet billi qalet kif wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ din il-liġi huwa li naraw li fis-suq diġitali Ewropej tirrenja aktar trasparenza u ugwaljanza għall-kompetizzjoni bejn in-negozji, fejn kulħadd ikollu l-istess drittijiet u viżibiltà.

“Jekk inti negozju Malti jew Għawdxi, għandek tiġi trattat daqs l-akbar lukanda miċ-ċentru tal-Ewropa, inkluż fejn jidħol is-suq diġitali. Dan huma punti li rridu naraw li jitwettqu bil-fatti” temmet tgħid l-MPE Cutajar.

Sport