Thursday, April 25, 2024

“Id-demm jiġbed” – Dino Zammit, akkwist ġdid għal Sliema ASC

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Tista’ tgħid li bdejt nilgħab il-waterpolo ta’ etá żgħira ħafna. Jien litteralment trabbejt fil-pixxina minħabba li missieri, Mario, kien jipprattika dan l-isport tant sabiħ. Kif jgħidu d-demm jiġbed u ma kinitx sorpriża li anke jien qbadt nitħarreġ fil-pixxina. 

Liema kienu dawk il-clubs li lgħabt magħhom tul il-karriera tiegħek?

Bdejt f’San Pawl il-Baħar ma’ Sirens Waterpolo Club meta kelli dawk it-tmien snin. Meta kelli 18-il sena kont ngħaqadt ma’ San Ġiljan fejn hemmhekk qattajt disa’ snin verament sbieħ li tista’ tgħid intemmu ftit tal-jiem ilu meta sseħibt ma’ Sliema. 

X’tiftakar mill-esperjenza li kellek ma’ Sirens Waterpolo Club?

Kienet esperjenza ferm sabiħa minħabba li dan it-team minn San Pawl il-Baħar tani ċ-ċans li nikber u nimraħ dejjem aktar f’din il-logħba. Kelli coaches verament tajbin fosthom Dejan Simoncic, Marco Rizzo, Dorian Pisani u Marco Baldinetti li għenuni mhux biss li ntejjeb il-ħiliet tiegħi f’dan l-isport iżda wkoll li nrabbi personalita’ liema bħalha.

Inkun korrett jekk ngħid li San Ġiljan kienu t-team li tak l-aqwa mumenti fil-karriera tiegħek s’issa?

Bla dubju, ma’ San Ġiljan irbaħt ħafna unuri fosthom tliet darbiet il-kampjonat, sitt darbiet il-kompetizzjoni knock-out u l-Enemed Cup kif ukoll ħadna l-aqwa tim tas-sena. Dawn kollha huma unuri tal-ħolm li dejjem xtaqthom u li saru realta’ ma’ dan it-tim. 

Issa se tkun qed tilgħab ma’ Sliema. X’se tħoss meta se tkun qed taffronta lill-ex team tiegħek San Ġiljan f’xi logħba tal-kampjonat jew tat-tazza?

Ifhem, għalissa nemmen li għadu kmieni minħabba li għad irrid nibda ma’ Sliema. Madankollu nista’ ngħidlek li mhux se tkun faċli naffronta lill-eks tim tiegħi li konna qisna familja. Fl-istess waqt, issa qed inħares lejn il-futur u lest għal din l-esperjenza ġdida li naf li ser nitgħallem ħafna minnha. 

Taqbel li Sliema jistgħu jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat bit-team li qed jintrama bil-mod il-mod?

Bla dubju li l-kumitat ta’ Sliema qed jaħdem qatigħ sabiex isaħħaħ l-iskwadra għall-istaġun li ġej. Irrid ngħid ukoll li se jkun qed jiżdied il-livell għalkemm xorta nemmen li aħna bħala tim nibdew bħalma jgħidu l-Ingliżi underdogs. Peress li Neptunes spiċċaw champions tal-istaġun li għadda, huma se jkunu fuq quddiem għar-rebħ ta’ xi unur għalkemm ma rridux ninsew lanqas lill-ex team tiegħi San Ġiljan li bħas-soltu se jkunu minn ta’ quddiem sabiex jirbħu xi trofew. Il-kumitat ta’ Sliema qed jaħdem bil-mod sabiex isaħħaħ l-iskwadra u nemmen li qed jużaw l-aqwa strateġija possibbli.

Kif tista’ tiddeskrivi l-esperjenza li kellek s’issa mat-team nazzjonali Malti?

Bħal kull esperjenza hemm il-mumenti pożittivi kif ukoll dawk negattivi. Niftakar il-mumenti meta ksibna l-kwalifikazzjoni għall-kampjonat Ewropew għalkemm b’xorti ħażina kelli wkoll perjodu xejn pożittiv meta kelli injury li żammitni barra għal xi żmien. Jekk insemmu lit-tim nazzjonali Malti ma nistax ma niftakarx fil-coach Karl Izzo li nafu kemm jirsisti sabiex jara l-waterpolo Malti jkompli jiżviluppa. Min-naħa tiegħi nirringrazzjah tal-inkoraġġiment li dejjem tani sabiex illum ninsab il-player li jien illum. Hu kien parti mill-istorja ta’ suċċess tiegħi. Huwa għalhekk li napprezza dak li għamel għalija tul dawn is-snin.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol, it-taħriġ u l-logħob tal-waterpolo?

Bħalma taf int jien naħdem fuq bażi full-time mad-dipartiment tal-edukazzjoni bħala għalliem u għalhekk dan ix-xogħol għandu l-ħtiġijiet tiegħu li jridu jiġu segwiti. Fejn għandu x’jaqsam taħriġ, jien immur kmieni filgħodu sabiex nagħmel is-sessjonijiet tiegħi u wara nibqa’ sejjer dritt lejn ix-xogħol, dejjem titlob li ma teħilx fit-traffiku għax tispiċċa tasal tard. Wara ġurnata xogħol, irrid immur nagħmel it-taħriġ ta’ filgħaxija u ċertament li din ir-rutina mhux daqshekk faċli biex twettaqha. 

Jien nemmen li trid torganizza ruħek, tkun puntwali kulfejn tmur u fuq kollox tagħmel pjan serju u huwa għalhekk li qatt ma sibt problemi u laħħaqt.

X’taħseb dwar l-infrastruttura sportiva tal-pajjiż fejn għandu x’jaqsam l-isport akwatiku? Hemm bżonn li jinbnew aktar pixxini f’pajjiżna?

Ħa ngħidu hekk jekk nitkellmu dwar pixxini fil-ftuħ, naħseb li dawk li għandna huma biżżejjed. Madankollu għandha tinbena pixxina fil-magħluq, li bl-Ingliż ngħidulha indoor li taf tbiddel għakollox ir-realta’ ta’ diversi assoċjazzjonijiet akkwatiċi li jipprattikaw f’pixxini msaħħna u li iżda l-element tat-temp jilgħab parti importanti.

Barra minn hekk, pixxina indoor se tgħin sabiex l-għawm u sport simili jiġi pprattikat is-sena kollha mhux f’ċerti staġuni jew xhur partikolari. Hu fatt magħruf li meta jkun maltemp bis-sajjetti, aħna ma nistgħux nipprattikaw u dan hu fattur li jtina ċerti limitazzjonijiet. 

Liema hi dik il-logħba jew gowl li tibqa’ tiftakar?

Meta int tirbaħ il-logħob dejjem hi emozzjoni mill-isbaħ. Niftakar logħba partikolari li San Ġiljan konna lgħabna kontra Neptunes u hemmhekk konna rbaħna l-kampjonat. Apparti minn hekk il-kompetizzjoni Knock-Out hi l-aktar favorita għalija għax irbaħtha kemm-il darba. Din hi kompetizzjoni affaxxinanti għax kollox jiġi deċiż fuq logħba waħda u skont kif tkun fil-ġurnata.

Taqbel miegħi li wieħed mill-aqwa players li int lgħabt magħhom kien il-Montenegrin, Aleksandar Ivovic?

Iva naqbel! Ivovic kien dak il-plejer speċjali li rnexxielu jgħin sabiex San Ġiljan jagħmlu dik il-qabża fil-kwalitá u mhux ta’ b’xejn li għinna ħafna fir-rebħ tal-unuri. Kien privileġġ mhux biss tilgħab miegħu iżda anke titħarreġ għax dejjem tgħallimna xi ħaġa ġdida. 

U hemm xi player jew team li tibqa’ tiftakar meta lgħabt kontrihom?

Ċertament li bħala team nazzjonali niftakar sew il-logħbiet kontra l-Ungerija, il-Kroazja u s-Serbja li nafu li huma timijiet qawwija ferm fil-waterpolo. Dejjem titgħallem minn dawn il-plejers ta’ livell mondjali. Ovvjament meta tilgħab f’kompetizzjonijiet prestiġġjużi, dejjem se tiltaqa’ ma’ players tajbin fejn taf li mhux dejjem faċli trażżan il-logħob tipiku tagħhom li normalment ikun ibbażat fuq il-ħeffa, is-saħħa u l-preċiżjoni.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-waterpolo.

L-ewwel u qabel kollox ngħidilhom sabiex ma jaqtgħux qalbhom u jieħdu l-opportunitajiet li jiġuhom. Barra minn hekk meta jingħalaqlek bieb, malajr jinfetaħlek ieħor u għalhekk li dejjem trid tkun attent għal dak li jkun ġej!

Sport