Tuesday, December 24, 2024

“Kburin li nikkollaboraw ma’ fondazzjonijiet fil-finanzjament tar-riċerka dwar il-kanċer”

L-E. T. Marie Louise Coleiro Preca

Aqra wkoll

11-il grupp ta’ riċerka Maltin, li jirrappreżentaw ‘il fuq minn 65 riċerkatur dwar il-kanċer, qasmu r-riżultati tar-riċerka, l-għarfien u l-kompetenza tagħhom mal-pubbliku. L-attività Cancer Research in Malta, organizzata mill-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni ma’ RIDT Trust, Emanuele Cancer Research Foundation, u ALIVE Charity Foundation saret ilbieraħ fil-Kampus tal-Belt Valletta tal-Università ta’ Malta.

L-avveniment infetaħ b’interventi minn RITD trust, Emanuele Cancer Research Foundation Malta u ALIVE Charity Foundation, tlieta mill-fondi ewlenin tar-riċerka dwar il-kanċer f’Malta.

Is-serata kompliet bil-Professur Godfrey Grech jiddeskrivi r-riċerka li għaddejja bl-isem IMPACT li qed tesplora l-modi kif jiġi identifikat u kkaratterizzat il-kanċer tal-kolon minn biomarkers tad-demm. Dan isegwi x-xogħol li sar mit-tim tiegħu biex jipproduċi invenzjoni ġdida biex tikkaratterizza l-kanċer tas-sider b’mod aktar sempliċi u mgħaġġel.

Dr Vanessa Petroni Magri u Nathan Vella esploraw ir-riżultati interessanti tagħhom dwar kif jimmodifikaw l-espressjoni ta’ ċerti ġeni li jgħinu fil-formazzjoni tal-kanċer, flimkien ma’ mediċini li jaġixxu fuq molekuli speċifiċi. Din ir-riċerka wriet riżultati promettenti fuq kanċer tal-pulmun partikolari li hu aggressiv u li għandu rata ta’ kura baxxa.

Waħda mir-raġunijiet ewlenin għat-tkabbir tal-kanċer hija l-abbiltà ta’ dawn iċ-ċelloli li jibqgħu żgħar għal dejjem u b’hekk kapaċi jinqasmu u jikbru. Dr Analisse Cassar u t-tim tagħha identifikaw b’suċċess xi modi kif ireġġgħu lura din it-tendenza fuq iċ-ċelloli mkabbra fil-laboratorju. Dan qed jipprometti ħafna li jista’ jiġi applikat għal numru kbir ta’ kanċers differenti.

Li l-ġisem jidentifika ċelluli anormali tal-kanċer u jattakkahom permezz tal-mekkaniżmu ta’ difiża tiegħu stess (immunità) huwa ttrattat mill-Professur Pierre Schembri Wismayer u t-tim tiegħu. Huma diġà wrew li l-metodoloġija tagħhom hija kapaċi tittratta annimali żgħar b’ħafna tumuri b’suċċess bl-użu ta’ immunoterapija ġdida.

L-użu tal-immunità tiegħu stess biex jattakka l-kanċer, f’dan il-każ il-kanċer tal-glandola pitwitarja, huwa x-xogħol li qed isir mit-tim ta’ Dr Oriana Mazzitelli u Emma Jayne Spiteri. Huma rrappurtaw li r-riċerka tagħhom setgħet żvelat popolazzjoni ġdida ta’ ċelluli immuni u ġeni li jistgħu jkunu implikati fil-ġenerazzjoni jew is-soppressjoni ta’ dawn it-tumuri pitwitarji.

Kunċett interessanti hu l-użu tat-teknoloġija microwave, l-istess teknoloġija użata biex issaħħan l-ikel, bħala trattament ta’ tumuri. Din tista’ tkun alternattiva għall-kirurġija u tnaqqas il-morbidità u b’hekk it-tul taż-żjarat fl-isptar. Dan ix-xogħol qed jitmexxa minn Federico Cilia u t-tim tiegħu li żviluppaw antenni speċjali li jistgħu jikkonċentraw il-mewġ għal sezzjonijiet preċiżi ħafna u partikolari tal-ġisem.

Is-serata kompliet mal-Professur Josianne Scerri li qed tesplora l-impatt psikoloġiku u soċjali tal-limfedema f’pazjenti rġiel, effetti sekondarji komuni meta l-lymph nodes jitneħħew kirurġikament u jirriżultaw f’akkumulazzjoni ta’ fluwidu fir-riġlejn. Din il-kundizzjoni hija komuni ħafna fil-kanċer tas-sider, u għalhekk ħafna mix-xogħol ippubblikat hu relatat ma’ pazjenti nisa bi studji fuq pazjenti rġiel li ma jkunux frekwenti ħafna. Dan l-istudju diġà identifika diversi problemi direttament relatati mal-irġiel bħal problemi tax-xogħol li jikkawżaw dwejjaq qawwi fil-pazjenti.

Il-funzjoni ċellulari, u għalhekk il-funzjoni u l-imġiba taċ-ċelluli tal-kanċer, jiddependu fuq kif jixegħlu u jintfew ċerti ġeni. Dan normalment iseħħ biż-żieda jew it-tneħħija ta’ kompost partikolari mwaħħal mad-DNA, imsejħa methylation. It-tim ta’ Professur Byron Baron irnexxielu jidentifika għadd ta’ metilazzjoni li jikkaratterizzaw il-progressjoni tal-kanċer tal-kolon u b’hekk fetaħ il-bibien għal aktar ħidma biex jinstabu trattamenti ġodda biex jimmodifikaw dan u b’hekk iżidu modi ġodda biex jikkuraw il-kanċer tal-kolon.

Li l-biċċa l-kbira tax-xogħol li jsir fi ħdan iċ-ċelloli jsir mill-proteini huwa magħruf ħafna. Dak li għadu fl-adoloxxenza tiegħu, huwa l-mod kif dawn il-proteini, il-mikro robots tan-natura, jinteraġixxu u jibdlu ċ-ċelloli normali f’ċelloli tal-kanċer. Il-Professur Therese Hunter flimkien ma’ żewġha l-Professur Gary Hunter u t-tim tagħhom, jirrapportaw kif identifikaw kandidati għall-profiling tal-proteini tal-kanċer tal-kolorektum fl-istadju tard u b’hekk fetħu l-bibien għal modifikaturi għal din il-marda fl-istadju tard.

Minħabba r-rarità tagħhom, hemm nuqqas ta’ riċerka dwar kanċer rari ġinekoloġiku. Wieħed mill-modi ewlenin biex jiġi miġġieled dan hu billi jiġu ffurmati netwerks kbar ta’ riċerka biex jiġbru flimkien għarfien espert u każijiet. Il-Professur Jean Calleja Agius kien strumentali fit-twaqqif u l-Presidenza ta’ azzjoni COST li stabbilixxiet netwerk ta’ professjonisti minn speċjalitajiet differenti u gruppi ta’ ħarsien tal-pazjenti minn aktar minn 30 pajjiż Ewropew u lil hinn, biex jitnaqqas id-distakk fir-riċerka rari dwar il-kanċer ġinekoloġiku, mill-kunċett għall-kura.

L-identifikazzjoni u l-karatterizzazzjoni taċ-ċelluli tal-kanċer metastatiku kemm jista’ jkun kmieni hija essenzjali fit-trattament tal-kanċer metastatiku. Il-Professur Christian Scerri u t-tim tiegħu qed jibnu fuq l-esperjenza tagħhom, metodoloġija ġdida li tuża microbeads ta’ kulur differenti li jaġixxu bħala identifikaturi speċifiċi ta’ molekuli partikolari preżenti fuq iċ-ċelloli tal-kanċer, biex jipproduċu tip ta’ barcode li fl-istess ħin jidentifika u jikkaratterizza ċ-ċelloli tat-tumur li jiċċirkolaw.

Diġà nkisbu riżultati pożittivi fuq linji ta’ ċelluli kummerċjali u l-aħħar pass ta’ din ir-riċerka huwa l-validazzjoni attwali bl-użu ta’ kampjuni minn pazjenti b’mard metastatiku li għandha tibda fi żmien il-ġimgħat li ġejjin.

“Aħna kburin li nikkollaboraw mal-ALIVE Charity Foundation, RITD Trust u l-fondazzjonijiet u soċjetajiet l-oħra tal-kanċer, fil-finanzjament tar-riċerka dwar il-kanċer f’Malta u fil-ġbir flimkien ta’ riċerkaturi ewlenin biex jaqsmu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom dwar l-aħħar żviluppi fir-riċerka dwar il-kanċer,” qal l-E. T. Marie Louise Coleiro Preca, iċ-Chairperson tal-Emanuele Cancer Research Foundation. “It-tama tagħna hija li dan l-avveniment jgħin biex iqajjem kuxjenza dwar l-importanza tar-riċerka dwar il-kanċer, il-finanzjament tagħha u jispira aktar individwi biex isegwu karrieri fil-qasam.”

Ekonomija

Sport