Thursday, November 21, 2024

Keċċieh mill-bar għax beda jaqla’ l-inkwiet

Aqra wkoll

Jixhed uffiċjal tas-sigurtà fil-każ tas-Somalu li twaddab il-baħar wara ġlieda li nqalgħet fl-Imġarr, Għawdex

Uffiċjal tas-sigurtà li jaħdem f’bar fl-Imġarr, Għawdex, irrakkonta fil-Qorti t’Għawdex kif huwa kellu jkeċċi lil Somalu ‘l barra wara li dan beda jaqla’ l-problemi fl-istess bar.

Joe Ross Portelli kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Deelian Mifsud ta’ 21 sena li qed jiġi mixli li fit-18 ta’ Lulju li għadda, għall-ħabta tas-1.00 a.m., waqt li kien fi Triq Martino Garces, viċin il-Port tal-Imġarr Għawdex, weġġa’ lil Mohamed Hassan Ismail ta’ 27 sena billi waddbu l-baħar. 

Portelli spjega fil-Qorti li huwa jaħdem mal-Gold Guard Security u dakinhar tal-inċident kien xogħol fil-Luzzu Bar. Qal li ħin minnhom daħal Somalu, beda jordna xi xorb u ma kellux biex iħallas.

Ix-xhud qal li sid il-post talbitu sabiex joħroġ lis-Somalu ‘l barra u sussegwentement mar jgħidlu biex imur fit-terazzin. Qal li hemmhekk is-Somalu kien se jiġġieled ma’ disa’ Għarab.

Kien hawn fejn qal lis-Somalu biex imur post ieħor u dan tal-aħħar allegatament ipprova jagħtih bil-ponn. Ix-xhud imbagħad ħarġu ‘l barra mill-bar u qallu “imxi, issa mur id-dar, daqshekk. Għax issa se tlaqqat xebgħa għal xejn.” 

Mistoqsi jekk jafx lill-imputat Deelian Mifsud, ix-xhud wieġeb fl-affermattiv u qal li jafu minn hemmhekk. Qal li l-akkużat kien qal lill-allegat vittma biex ma jaqlax problemi u min-naħa tiegħu s-Somalu allegatament qallu li kien se joqtol lilu u l-familtu.

Qal li l-imputat imbagħad qam għalih u tah daqqa ta’ ponn u reġa’ poġġa bilqiegħda. Skont ix-xhud, is-Somalu kompla jgħidlu kliem simili u mbagħad l-imputat “tefgħu l-baħar”. 

Mistoqsi mill-Maġistrat Joe Mifsud jekk rahx jitfgħu l-baħar jew rax il-film ta’ wara, Portelli qal li huwa kien ra l-film għax kien dahru lejh u b’hekk ma rahx iwaddbu l-baħar.

Ix-xhud kompla jgħid li s-Somalu kien ittella’ mill-baħar minn wieħed Għarbi li kien se jiġġieled miegħu. Qal li mbagħad is-Somalu qam bilwieqfa u beda jixħet koċċ tazzi tal-ħġieġ lejn in-nies li kien hemm.

Mistoqsi jiftakarx kemm xorob birra Mohamed dakinhar tal-inċident, huwa qal li ma qgħadx jgħodd iżda sostna li huwa kien ilu hemm mill-11.00 p.m. u kellhom ikeċċuh ‘il barra wara li beda jaqla’ l-inkwiet fil-bar fejn allegatament kien qed jidħol ukoll wara n-nisa fil-kamra tal-banju.

“U għalhekk ħriġtuh il-barra. Jiġifieri ħa nkunu ċari, ma ħriġtux ‘il barra għax hu iswed?,” staqsiet il-Qorti, b’Portelli jwieġeb: “Le. Le.”

Il-Qorti żiedet issaqsi lix-xhud: “Jiġifieri kieku kien hemm abjad qed jagħmel l-istess?”. “L-istess ħaġa kont nagħmel… jiena xogħli nagħmlu sewwa,” wieġeb ix-xhud.

Il-każ ikompli fl-4 ta’ Novembru li ġej. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Josef Gauci. L-Avukat Antonio Depasquale deher għall-imputat filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb qed jidhru parte civile għall-vittma.

Sport