Wednesday, April 24, 2024

Stilista b’messaġġ b’saħħtu favur moda sostenibbli billi użat ħwejjeġ użati

Aqra wkoll

Riċentement, Sarah Duffy gradwat mill-Università Metropolitana ta’ Manchester. Is-suċċess ta’ tliet snin studju wassluha biex akkwistat Baċellerat first-class bl-unuri fil-qasam tal-moda, disinn u teknoloġija speċjalizzat fil-moda femminili. 

Matul dawn is-snin ta’ studju, Sarah skopriet li kellha passjoni fil-qasam tal-ħjata u tfassil ta’ ġlekkijiet u qliezet lil hinn minn kif imdorrijin narawhom ta’ kuljum. L-istudji tagħha wassluha biex tirrealizza kemm hija importanti s-sostenibilta’ fil-qasam tal-moda. Irridu nżommu f’moħħna li l-ġenerazzjoni li qed ngħixu fiha kif ukoll il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jkollhom ir-responsabbilita’ li joħolqu ġenerazzjoni sostenibbli fil-qasam tal-industrija tal-moda. 

Waqt li kienet qed tgħix Manchester, Sarah ħadmet xogħol volontarjat minn wara l-kwinti f’diversi sfilati tal-moda, attendiet serati fil-mużew V&A ġewwa Londra u kellha wkoll l-opportunità li tmur il-Portugal, l-Olanda u Londra mal-istess Università fejn kienet qed tistudja biex iżżur fabbriki u ditti li qed joħolqu rivoluzzjoni maraviljuża fl-industrija tal-moda. 

Dawn l-esperjenzi indimentikabbli mhux biss għallmuha, iżda komplew ikattru fiha din ix-xewqa li t-tfassil u d-dissinnji tagħha jkunu ta’ xejra u xeħta differenti minn dak li mdorrijin naraw. Fl-aħħar sena tagħha ġewwa l-Università, Sarah flimkien mal-istudenti l-oħra kellom jikrejaw kollezzjoni ġdida. 

Il-kollezzjoni ta’ Sarah mhux biss rebħet din it-taqsima iżda ntgħażlet biex tkun il-ftuħ uffiċjali tal-wirja tal-moda annwali ġewwa Londra. Il-kollezzjoni nnovattiva tagħha tant niżlet tajjeb mal-istilisti li kienu preżenti li reġgħu talbuha biex tagħlaq l-isfilata nnisfisha. 

Ta’ min jgħid ukoll li din is-sena x-xogħol tagħha ġie ppublikat fid-Drapers Magazine, ittella fis-sit eletroniku tal British Fashion Council fost ħafna oħrajn. Il-kollezzjoni finali tagħha hija bbażata fuq ix-xogħol tal-artist/ skulturist Eduardo Paolozzi f’ Michelangelo David, fejn l-artist uża biss il-parti tar-ras ta’ David fejn kisser, farrak u reġgħa għaqqad flimkien b’mod kompletament different iżda l-prodott finali għalkemm kellu tibdil xorta baqa’ jintgħaraf minn kien. 

“Jien infittex li nara s-sbuħija meta nbiddel xi ħaġa konvenzjonali, billi nneżżagħha mill-oriġinalitÀtagħha u nagħtiha dehra u forma ġdida”

Sarah Duffy

Sarah riedet tipprova toħloq l-istess tema iżda minflok użat figura, xtrat ħwejjeġ użati minn Charity Shop f’Malta, qatgħet u fasslet mill-ġdid ġlekkijiet, qliezet u kowtijiet u ħalltet id-drappijiet flimkien skont il-vizzjoni immaġinarja tagħha ta’ stilista u disinjattriċi. Biex għaqqdithom flimkien użat ganċijiet u ħoloq u dawn għenu biex ikomplu joħolqu dehra ġdida u kompletament ibiddlu l-forma ta’ kif kienu oriġinali. 

Dan il-metodu ġdid fil-qasam tal-moda jagħti mhux biss dehra ġdida, iżda jgħin anke lill-ambjent għaliex huwa mod sostenibbli. Il-materjal tad-drappijiet użati fil-kollezzjoni kien 100% wool. 

Grazzi għall-għajnuna finanzjarja li joffri l-gvern Malti permezz ta’ Art Scholarship Malta li ngħata lil Sarah, hija setgħet tfassal u ttemm b’suċċess l-istudji tagħha. Il-pass li jmiss huwa li fil-futur Sarah tibda tħejji kollezzjonijiet ta’ ħwejjeġ oriġinali.

Sport