Mara li tbati bil-Fibromalġija tenniet dwar il-bżonn li napprezzaw iżjed lil xulxin fuq kitba riċenti fuq il-midja. Il-mara spjegat li minħabba attakk kkawżat mill-kundizzjoni li tikkawżalha uġigħ kbir f’ġisimha kellha bżonn spiżerija u li minħabba li fil-qrib ma kienx hemm waħda u anke minħabba l-fatt li llum il-Ħadd iddeċidiet li ċċempel taxi, x’aktarx minħabba li m’għandhiex liċenzja tas-sewqan f’pajjiżna.
Il-mara kompliet dwar kif ġie jiġborha xufier u li mat-triq bdiet tispjegalu dwar il-kundizzjoni tagħha u għalfejn kellha toqgħod tinqala biex tixtri ċertu mediċina. Kompliet biex tgħid li fost affarijiet tkellmu dwar l-isfidi tal-għoli tal-ħajja.
“Illestejt il-flus biex inħallsu, iżda kif ersaqt biex nagħmel dan qalli li l-kont kien imħallas. Kont ftit konfuża għax ma dehrlix li kont ħallast, iżda kif ra hekk qalli li kien ħallsu minn butu għax ried jagħmel xi ħaġa biex jgħinni nħossni aħjar”, kompliet tispjega filwaqt li qalet li hi insistiet li tħallsu għax wara kollox hu kien qiegħed jaħdem biex jaqla x’jiekol ukoll.
Minkejja dan ix-xufier insista u hawnhekk il-mara qaltlu li żgur ma kinitx se tinsa dan il-ġest sabiħ tiegħu.