Il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis dwar l-inkjesta fuq l-Avukat Charles Mercieca
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis qal li l-inkjesta li qed issir fil-konfront tal-Avukat Charles Mercieca qed issir skont il-kapitlu 270 tal-inkjesti ta’ Malta.
L-avukat Mercieca kien wieħed mill-avukati li kien qed jaħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waqt il-prosekuzzjoni ta’ Yorgen Fenech, l-allegat qattiel ta’ Daphne Caruana Galizia. Madankollu fl-aħħar jiem sar magħruf li huwa ngħaqad mad-Difiża ta’ Fenech.
“Jien ħassejt li l-aħjar li jagħmel dan ikun eks Prim Imħallef. Din m’hix dixxiplina fuq xi avukat. Jien m’għandix poter li niddixiplina l-avukat. Nibda ninkwieta meta jibdew iħawwdu l-avukati u politiċi. Dak hemm kummissjoni biex tiddixplina l-avukati. L-inkjesta hi dwar tħassib li anke inqalgħu barra minn Malta u jien irċevejthom u għalhekk se ssir din l-inkjesta biex naraw kif imxew l-affarijiet”.
Il-Ministru qal li “ma niżżiltx it-termini ta’ riferenza apposta. Ħadt parir, u qgħad attent li kollox ikun kopert. Għandi parir li ma nistax nippubblikahom għax anke tippreġudika l-pożizzjoni ta’ xi persuna li jista’ jkun indagat. It-tieni min se jiġi mistqosi jkun jaf fuq x’hiex se jiġi mistoqsi. Jien ma rridx hekk. Irrid nimxi mal-pariri li jkun hemm. Ma kien hemm l-ebda ħabi. Minn ottika politika kien ikun aktar komdu għaliha li nippubblikahom imma l-parir li tawni hu li ma nippubblikahomx”. Tenna li “l-fatti kollha jridu jkunu aċċertati u jinħarġu kollha”.
Hu kien qed jitkellem fil-ħin tal-mistoqsijiet Parlmaentari dwar id-deċiżjoni li jaħtar inkjesta indipendenti biex tinvestiga l-aġir tal-Avukat Charles Mercieca, li kien impjegat fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali rriżejna mill-impjieg tiegħu u l-għada tar-riżenja tiegħu beda jiddefendi lin-negozjant Yorgen Fenech, s-suspett mandant fi qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ta’ min jgħid li fi stqarrija l-Ministru tal-Ġustizzja qal li qed jagħti lill-Prim Imħallef Emeritu Azzopardi sa mhux aktar tard minn nhar it-Tlieta, 16 ta’ Ġunju 2020, sabiex jikkonkludi l-inkjesta.