Friday, April 19, 2024

“Kellu ossessjoni li jrid ikollu pussess ta’ kollox anke tal-affarijiet fid-dar tal-mara”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Raġel ta’ 28 sena minn Birkirkara, li kellu “ossessjoni li jrid ikollu pussess ta’ kollox anke tal-affarijiet fid-dar tal-mara”, baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li hedded u ta fastidju lil martu u lill-kunjati tiegħu.

Kienu dawn tal-aħħar li marru jirrapportaw lill-Pulizija b’dak li kien qed jiġri, liema rapport kien jikkonsisti f’biża’ ta’ vjolenza kif ukoll fastidju fil-konfront tagħhom tul medda ta’ snin kif ukoll sekwestru tal-mara.

Il-vittmi ġew akkumpanjati fid-Depot tal-Pulizija mill-uffiċjali tal-Iskwadra ta’ Kontra l-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika, fejn hemmhekk ingħataw l-attenzjoni kollha f’kamra apposta mgħammra bil-faċilitajiet kollha meħtieġa. 

L-Ispettur Eman Hayman, li investiga l-każ, spjega lill-Maġistrat Audrey Demicoli kif l-imputat kien għamel xi żmien jgħix flimkien ma’ martu għand il-kunjati tiegħu u kellu ossessjoni li jrid jikkontrolla kollox anke l-affarijiet fid-dar tagħhom. Huwa żied jispjega li kien missier il-mara li l-ewwel sab il-kuraġġ li jagħmel ir-rapport peress li l-imsemmija akkużi kienu ilhom iseħħu diversi xhur.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti.

Sport