Sunday, December 22, 2024

KEMM TIFLAĦ KEMMUNA?

Aqra wkoll

Ma nifhimx in-nuqqas ta’ interess min-naħa tal-awtoritajiet fil-ħarsien ambjentali ta’ Kemmuna. Suppost hi ħaġa ċara li t-turiżmu jrid ikun immaniġġjat b’sens ta’ bilanċ u ħsieb tat-tul. Kien mingħalija li dil-bixra daħlet sew fostna u ngranat ruħha fil-ħidma meħtieġa f’dal-qasam wara s-suċċess miksub bit-titjib tal-kwalità tal-baħar fil-bajjiet ewlenin tagħna.

Niġu qed nikkuntradixxu kull ma ntqal li kellu jsir biex nimmiraw għal turiżmu ta’ kwalità għolja jekk nitilqu lill-gżira ċkejkna ta’ Kemmuna għall-kummerċjalizzazzjoni bla rażan. Persuna li la tieħu sehem fil-ġurnaliżmu jew fil-politika u lanqas fl-attiviżmu ambjentali kkonfermatli li hekk qed jiġri. Żgur hemm limitu għal kemm Kemmuna tista’ tiflaħ ta’ żjajjar – limitu li jista’ jinstab, jekk mhux diġà ġie kkalkolat. Allura għandhom jittieħdu miżuri biex iż-żjajjar jinżammu ġo dal-limitu u l-prezz iċċarġjat għalihom ikun jirrifletti dil-ħaġa. Mhix soluzzjoni f’dal-każ żgur, li tħalli s-suq isuq.

INVESTIMENTI BARRANIN

Kull gvern Malti ġie wiċċ’imb wiċċ mal-problema ta’ kemm hi ħaġa diffiċli tiġbed lejn pajjiżna investiment barranin ġdid li jsir tal-post, mhux juża l-pajjiż bħala garaġ għal ftit tal-ħin. Veru li kull gvern ukoll għażel li jiftaħar kemm irnexxielu jġib investiment barrani, li kompla jżid l-illużjoni fost bosta Maltin li hemm ħafna interess gwapp f’pajjiżhom minn kumpaniji barranin.

Ir-realtà kienet li għax il-gżejjer tagħna għandhom suq tassew ċkejken u m’għandhomx riżorsi naturali tagħhom… ħlief xemx u baħar… l-inċentiv għal investiment “tal-post” kien dgħajjef. Ta’ spiss kellna nitqannew b’investimenti ftit jew wisq magħtuba li baqgħu hekk. Iċ-ċaqliq lejn is-servizzi finanzarji fetaħ imbagħad spazju għall-wasla ta’ fondi li sejjaħnilhom investimenti imma kienu filfatt depożiti ta’ ftit ħin. Biex nattirawhom lejna offrejnielhom ħelsien mit-taxxi tagħna jew ta’ ħaddieħor. 

Xorta kien hemm suċċessi notevoli: il-Malta Rubber – Toly Products – Playmobil – ST Microelectronics – Lufthansa Teknik.

  … Il-litanija ta’ fjaski hi itwal.

MALTIN FL-AWSTRALJA

Dwejjaq issir taf li l-Awstraljani ta’ nisel Malti u għadhom jitkellmu fid-dar bil-Malti kompla jonqos. Ħaġa minn ewl id-dinja u mistennija. Imutu x-xjuħ li marru hemm minn Malta u t-tfal tagħhom li x’aktarx twieldu wara ftit ikollhom familjarità mal-espressjoni Maltija, speċjalment jekk minn tfal, ikunu għexu qrib ħbieb Awstrljani.

Meta l-aħħar żort l-Awstralja snin ilu, problema soċjali kienet ta’ anzjani li max-xjuħija nsew kull lingwa ħlief il-Malti ta’ tfulithom, u spiċċaw għal kollox iżolati. 

X’jista’ jsir biex it-taħdit bil-Malti jinżamm ħaj f’dak “il-pajjiż hieni”, kif kien jissejjaħ? Tassew li dik hi battalja mitlufa sa minn qabel tinbeda?  Jew li ma fiha l-ebda preġju?

Ekonomija

Sport