Il-priġunier Daniel Khalife ġie arrestat madwar 12-il mil biss bogħod mill-ħabs ta’ Wandsworth wara li rnexxielu jagħmel erbat ijiem maħrub.
Il-priġunier huwa eks suldat li kien qiegħed jistenna biex jgħaddi ġuri f’Novembru wara li allegatament ħalla bombi foloz f’bażi militari waqt li kien qiegħed iservi fl-armata bil-ħsieb li jaqla’ kaos.
Huwa kien imwaqqaf minn uffiċjal pajżan li għarfu u waqqgħu wara li lemħu ġej bir-rota fil-limiti ta’ Northolt.
Il-Pulizija kienet qiegħda toffri s-somma ta’ £20,000 lil kull min seta’ joffri xi informazzjoni dwaru biex hu jiġi arrestat.
B’hekk issa huwa se jkun qiegħed jaffaċċja l-akkużi li kellu kif ukoll dawk li se jkunu qegħdin jinħarġu kontrih b’rabta mal-ħarba tiegħu.
Barra minn hekk il-Pulizija kkonfermat li se tkun qiegħda tkompli tinvestiga dwar il-possibbiltà li kien hemm persuni li setgħu għenuh jaħrab.