Sunday, April 28, 2024

Kien imur wara l-bieb tax-xelter, jurilhom it-tifla li kien ħataf fuq camera u jaħrab

… l-omm kien jheddidha li jħanxrilha għonqha

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Omm ma’ tlett uliedha spiċċat f’xelter li jipprovdi kenn mill-vjolenza domestika ħames darbiet. F’waħda mid-drabi fejn it-tfal kienu deħlin lura lejn ix-xelter, is-sieħeb tagħha kien resaq lejhom, ħataf lit-tifla u baqa’ sejjer biha. In-nannu tat-tfal,  kien induna li kien ħalla ċ-ċwievet fil-karozza, u kien ħadhom biex ma jkunx jista’ jitlaq bit-tifla. Meta ra dan, tefa’ lit-tifla fuq spalltu u telaq jigri biha lejn il-ġnien ta’ San Anton. In-nannu  spjega li hu ma kellux saħħa jiġri warajh peress li jbati minn kundizzjoni tan-nifs. Is-sieħeb kien żammha 24 siegħa u kull ftit sigħat kien imur wara l-bieb tax-xelter juri lit-tifla fuq il-camera u jerga’ jitlaq. Apparti dan l-istess raġel f’okkażjoni oħra pprova jiftaħ il-bibien tal-karozza tal-omm, u anke prova jidħol mill-bagoll tal-karozza. 

Sensiela ta’ rapporti ta’ stalking

Wara dan il-każ l-omm kienet kienet prattikament issakkret fix-xelter. Kienet inħarġet Protection Order u l-aċċess kien twaqqaf. Minkejja dan it-telefonati ta’ theddid baqgħu għaddejjin lejl u nhar, jibgħatilha messaġġi u voice messages, li kienu minn mobile numbers differenti.  Fil-fatt hemm sensiela ta’ rapporti ta’ stalking minn dan ir-raġel fuq l-omm u l-familjari tagħha. Kien jheddidha li se joqtolha u li ser iħanxrilha għonqha. Għamel ukoll rapporti foloz magħmulin mir-raġel dwar dak li hu sejjaħ prostituzzjoni tal-omm fil-Gżira. Mhux hekk biss imma kien allega negliġenza mill-omm mat-tifla tagħha u dan meta l-omm kienet fiżikament fix-xelter  ma’ bintha. 

“Martirju” għall-omm u l-ulied

Il-Qorti iddeskriviet dak li għaddew minnu l-omm u uliedha bħala “martirju”. Il-Qorti ddikjarat bla tlaqliq li r-raġel kien juża l-aċċess superviżjonat biex jieħu minn moħħ it-tifla u jitkixxef fuq il-passi tal-omm tant li l-istess ħaddiema soċjali rrakomandaw li jsir assessment psikoloġiku fuq ir-raġel. Il-Qorti tiddikjara ukoll li kien qiegħed juża lit-tifla minuri biss bħala arma biex jikkontrolla lill-omm f’dak kollu li hi għamlet u f’kull deċiżjoni li hija ħadet jew ma ħaditx. 

Il-Qorti tiddikjara li l-missier, li llum hu maħrub mill-pajjiż għandu jiġi żvestit mill-jeddijiet kollha ta’ setgħa ta’ ġenitir u dan fl-aħjar interess tal-minuri.

Kif skopra li tqila minnu, ir-raġel beda jaqta’ l-kuntatt

L-omm spjegat li fis-sena 2013 kienet ħarġet tqila bit-tifla. Fil-bidu tar-relazzjoni tagħha ma’ dan ir-raġel hi kienet għaddejja bis-separazzjoni minn mal-eks raġel tagħha. Tgħid li kif sar jaf li kienet tqila minnu, ir-raġel beda jaqta’ l-kuntatt minn magħha u kien hemm diversi okkażjonijiet fejn kienu jiftehmu li ser jiltaqgħu u hu  ma jmurx jew kien iħalliha siegħa tistennih. Tispjega li l-viżiti għand t-tabib dejjem marret għalihom waħidha. Tgħid li dakinhar li daħlet l-isptar biex twelled lit-tifla, hu kien mar magħha imma kien telaq qabel ma tellgħuha fis-sala. 

Tgħid li dak iż-żmien li twieldet it-tifla hija kienet qiegħda tgħix f’post fiċ-ċentru ta’ Malta flimkien maż-żewġt uliedha l-oħra waqt li dan ir-raġel kien jgħix f’post ieħor. Hu kien imur għandha meta ma kienx ikollha t-tfal il-kbar magħha u fil-bidu ma kienx jorqod għandha. Tgħid li hu kien jieħu ħsieb lit-tifla fil-ftit ħin li kienu jiltaqgħu. Iddikjarat li hu dejjem ittrattaha tajjeb. Fis-sena 2014 hija bdiet tlaqqa’ lil dan ir-raġel ma’ wliedha l-oħra, u f’dan l-istadju kien jagħmel xi ljieli jorqod għandha. Kien hemm drabi fejn minkejja li hi talbitu jorqod magħha biex ma tkunx waħidha mat-tarbija, hu ma kienx baqa’ magħhom. 

Xehdet li  darba minnhom kien anke talab lil għarusa ta’ ħuha toħroġ miegħu. Din kienet aċċettat bi qbil mal-omm biex jaraw x’kien se jgħidilha. Wara dan l-episodju hi ma felħitx tkellmu iżjed, u kien hawn li hu beda jċemplilha kontinwament u jsus warajha. Illi fil-bidu ta’ Jannar tas-sena 2015, l-eks raġel tagħha kien weġġa’ u kienet laqgħetu għandha għax ma setax jimxi u hi kellha l-faċilità tal-lift, iżda kien għamel biss xi jumejn għax bdiet tibża’ li se  jinqala xi argument mar-raġel l-ieħor.

Tgħid li fi Frar tas-sena 2015 reġa’ kien hemm rikonċiljazzjoni ma’ dan ir-raġel, iżda maż-żmien il-prioritajiet tiegħu reġgħu inbidlu, u beda jħalliha waħidha, u dejjem iġib l-iskużi. Kienet saret taf li kien qiegħed isuq xi karozzi bla liċenzja u hi bdiet tibża’ minħabba t-tfal. Peress li minn hemm l-affarijiet ma bdewx sejrin sew, hi kienet talbitu sabiex jagħmlu skrittura li jirregola l-kura u kustodja tat-tifla quddiem avukat. 

Beda jsegwi l-passi tagħha u anke jidħol f’darha bla ma javżaha

Mix-xhieda jirriżulta li l-fissazzjoni tar-raġel fuq l-omm ma waqfitx, u għalkemm kien temmet ir-relazzjoni ta’ bejniethom għal darba oħra, hu beda jsegwi l-passi tagħha, u jidħol id-dar tagħha mingħajr ma javżaha.  Tgħid li r-relazzjoni kienet karatterizzata minn ħafna argumenti speċjalment fuq l-eks raġel, theddid kull darba li l-omm tiddeċiedi li ttemm ir-relazzjoni tagħhom, theddid li se jieħu lit-tifla u  ma jirritornahiex, telefonati kontinwi, vjolenza fiżika u anke psikoloġika. 

Tgħid li f’April tas-sena 2018, wara Open Day l-iskola ta’ waħda mill-minuri, l-omm baqgħet sejra l-Appoġġ. Sakemm kienet hemm, kien ċemplilha diversi drabi tant li s-social worker kienet staqsietha jekk tridx tmur ġo xelter u fil-fatt kienet aċċettat. Ma kinitx damet ix-xelter minħabba li waħda minn uliedha kienet qiegħda tiddejjaq. 

Meta marret lura d-dar, ir-raġel beda jitlobha biex terġa’ taħfirlu u biex jerġħu jirranġaw. L-omm kienet ħafritlu anke għax kellha biża’ kbira li kien ser jagħmlilha xi ħaġa jekk ma tirranġax miegħu. L-ossessjoni fuq l-eks raġel  baqgħet tikber tant li kien qiegħed jiċċekkjalha l-mobile. L-affarijiet baqgħu jirreppetu ruħhom u fil-fatt l-omm kienet reġgħet talbet l-għajnuna tal-Apppoġġ u kienet reġgħet daħlet fix-xelter. Tispjega li r-raġel kien ta’ sikwiet imur ix-xelter iħabbat. 

It-tifla allegat l-iskola li r-raġel kien immolestaha

Ġara li wara li l-omm reġgħet marret lura d-dar, kienet ġiet mitkellma mill-Vice Squad, u saret taf b’dak li qalet bintha l-iskola, fejn hi kienet allegat li dan ir-raġel kienet allegatament immolestaha sesswalment. Minħabba dan kienet reġgħet daħlet ix-xelter bil-pulizija kien bdew proċeduri fil-konfront tar-raġel.

Spjegat li kien hemm sensiela ta’ episodji sħaħ fejn uliedha kienu spiċċaw imwerwrin minħabba l-aġir ta’ dan ir-raġel minkejja li anke kienu marru għall-counselling. It-tifla tiegħu stess aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdiet tibża’ minn missierha u kienet tirrifjuta li tmur għandu. 

L-aġir tiegħu baqa’ l-istess u meta kienet fix-xelter, ir-raġel beda jibgħatilha ħafna deliveries fosthom fjuri, u sensiela ta’ voice messages. Kien baqa’ jmur wara l-bieb tax-xelter. Kien hemm żmien meta beda jsus wara missierha, l-eks raġel u anke wara wliedha l-kbar bil-karozza. Wara li nħarġet il-Protection Order, ir-raġel xorta waħda sab mezz kif jibqa’ jiffastidja lill-omm u lill-uliedha, tant li beda jagħmel rapporti kontra tagħha.

Fis-sena 2019 minkejja li missierha kellu permess biex jidħol għalihom fil-garage tax-xelter, kif appena ħarġu mill-garaxx sabu lir-raġel ma’ wicċċhom. Hu beda jipprova jieħu ċ-ċavetta tal-karozza tan-nannu tat-tfal. 

L-omm tisħaq li dan kollu kissirha mentalment u qiegħed joħloq ansjetà kbira fuqha, u dan apparti t-trawma li għaddew minnha wliedha. Tgħid li t-tifla hi mwerwra minnu minħabba dak kollu li ġara u anke ġiet riferuta għat-terapija. 

Waħda mis-Soċial Workers f’Dar Merħba Bik xehdet li l-omm kellha effetti ta’ trawma fuqha fosthom kienet tlaqlaq biex titkellem, kienet ġieli tirrepeti warajha. Kien hemm effetti ta’ trawma fuq il-minuri, u l-atteġġjament tal-minuri kien inkwetanti ħafna. Qalet li flimkien ma’ professjonisti oħra ħadmu biex jgħinu lill-omm ma tħallix it-trawma twaqqafha milli tara l-bżonnijiet psikoloġiċi ta’ uliedha. 

Ir-raġel saħansitra offra flus lill-istaff tax-xelter

Il-Kap ta’ Dar Merħba Bik, Elaine Pavia xehdet li l-omm flimkien mat-tlett uliedha daħlu u użaw is-servizz residenzjali tagħhom ħames darbiet. Tgħid li l-ewwel erba’ darbiet ma kinux twal, però l-aħħar  darba li marret  kienet damet ‘l fuq minn sena fis-xelter. Tirrakkonta li l-omm ma tantx kienet toħroġ barra mix-xelter minħabba l-biża’ li kellhom. Fil-fatt il-minuri kienet anke għamlet home tuition fix-xelter stess. Żiedet li l-minuri kellha biża’ minn persuni tas-sess maskil, u l-ewwel għalliem li kien jiġi għall-home tuition kien raġel u għamlet l-ewwel xahrejn ma tkellmux. Meta ntebħu b’dan, kienu talbu illi tintbagħat għalliema mara. Wara din il-bidla bdew jaraw progress minnufih. 

Xehdet ukoll li l-istaff taghha ġieli qalulha li dan ir-raġel kien waqqafhom u offrielhom il-flus jew anke lifts bil-karozzi u kienu infurmaw lill-Għassa ta’ Birkirkara b’dan kollu. 

Sport