Thursday, April 18, 2024

EBA Nations Cup: Il-Maltin b’ċans li jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss  

Aqra wkoll

Illum hi ġurnata deċiżiva għat-tim nazzjonali tal-Blackball li qed jikkompeti fl-EBA Nations Cup 2023 fi Bridlington hekk kif jista’ jikkwalifika għall-fażi li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni.  

Ilbieraħ kompliet il-fażi tal-gruppi fejn  fil-Men’s, il-Maltin għelbu lill-Belġju 19-6 u lill-Awstralja 22-3 għalkemm sofrew l-ewwel telfa kontra l-Ingilterra 18-7.  

Fis-Seniors, it-tim Malti rebaħ il-logħbiet kollha li lagħab hekk kif għeleb lill-Ingilterra 14-11, lill-Irlanda 15-10 u lill-Awstralja 20-5.  

L-Erbgħa filgħaxija kompliet il-kompetizzjoni tas-Singles fejn Owen Amato u Stephen Mangion ġew eliminati fil-fażi tal-aħħar sittax.  

Fir-raba’ round, Amato għeleb lill-Iskoċċiż Jamie Burnett 5-4 iżda kellu jbaxxi rasu għall-qawwa tal-Ingilż Jake Dylan Newlove hekk kif tilef 5-1.  

Min-naħa l-oħra, Mangion għeleb lill-Ingliż Ben Rodgers 5-2 għalkemm tilef kontra l-plejer minn Wales Liam Roberts.  

Illum ikompli l-logħob tat-timijiet hekk kif fil-Men’s, il-Maltin jilagħbu kontra l-Iskozja, Wales u l-Irlanda..  

Mill-banda l-oħra, is-Seniors jilagħbu kontra l-Irlanda ta’ Fuq, l-Afrika t’Isfel u l-Olanda.  

Iż-żewġ timijiet jinsabu b’ċans kbir li jikkwalifikaw għall-fażijiet li jmiss tal-kompetizzjoni rispettiva tagħhom.  

Ekonomija

Sport