Wednesday, July 24, 2024

Kienet emozzjoni kbira ħafna li nirbaħ unur ma’ Sliema Wanderers – Mark Scerri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Mark Scerri twieled fis-16 ta’ Jannar 1990 u llum il-ġurnata għandu 34 sena. Hu jilgħab bħala midfielder difensiv ma’ Sliema Wanderers fejn minn dejjem lagħab magħhom sa minn meta kien għadu żagħżugħ. Għalhekk wieħed jista’ jqisu bħala bandiera Slimiża meta kien magħhom fis-suċċessi iżda anke fil-mumenti diffiċli. Dan kien staġun partikolari għal Scerri minħabba li t-tim tiegħu kiseb il-promozzjoni għall-ogħla kampjonat Malti filwaqt li għenhom kemm seta’ sabiex waslu sat-tielet post tal-klassifika li bih se jkunu qed jikkompetu fil-UEFA Europa Conference League. Barra minn hekk hu ra lit-tim tiegħu jirbaħ l-Izibet FA Trophy filwaqt li għolliha ma’ sħabu eżatt mal-preżentazzjoni tat-tazza.
Scerri kien sfortunat li tilef nofs staġun minħabba injury li sofra fil-cruciate u għalhekk ma setax ikun fil-grawnd għall-aħħar parti eċitanti ta’ dan il-kampjonat.

Dan il-ġurnal kellem lil Scerri dwar dan l-istaġun kif ukoll ma naqasx li jsemmi lil Sliema, it-tim l-aktar għal qalbu.

Int ġejt utilizzat mill-bidu tal-istaġun iżda fi Frar kellek dik l-injury xi ftit kerha. Kif għext dawn il-mumenti kuntrastanti bejn ferħ għall-istaġun ta’ Sliema u mrar minħabba li weġġajt?

Kienu żminijiet partikolari kif għedt tajjeb int iżda li kien fihom minn kollox. Sa Frar lgħabt b’mod regolari fejn kien hemm drabi fejn bdejt mal-ewwel ħdax u xi drabi oħra fejn dħalt bħala sostitut. Ftit tax-xhur ilu kont żvinturat li ċarrat il-cruciate u kelli nagħmel l-operazzjoni li żammitni ‘l bogħod milli nagħmel dak li nħobb. Għalhekk ippruvajt li f’dawn ix-xhur meta kont imweġġa’ nagħti s-sapport morali lil sħabi.

X’emozzjoni ħassejt meta għollejt it-tazza li tiġi t-tieni l-iktar unur prestiġġjuż fil-futbol Malti?

Kienet emozzjoni kbira ħafna li nirbaħ unur ma’ Sliema Wanderers, il-klabb ta’ ħajti. Ili hemmhekk minn dejjem u għalkemm irbaħt ħafna unuri tul dawn is-snin, l-aħħar wieħed dejjem ikun speċjali. Bħala staġun kien wieħed eċċezzjonali fejn ktibna l-istorja mhux biss għax irbaħna din il-kompetizzjoni għar-rekord ta’ 22 darba iżda wkoll għax għadna telgħin miċ-Challenge League u rnexxielna nirbħu din il-kompetizzjoni. Għalhekk meta int tgħolli dik it-tazza, is-sodisfazzjon li tħoss hu wieħed enormi.

X’sehem kellu l-kowċ Paul Zammit sabiex wasal dan is-suċċess?

Bla dubju li l-kowċ Paul Zammit flimkien mal-istaff tekniku kienu xprun importanti sabiex wasal ir-rebħ ta’ din il-kompetizzjoni. Il-kowċ għaqqad it-tim, ġabu jemmen fil-kwalitajiet tiegħu u ma kinitx sorpriża li wasalna għal dan it-tragward.

Ma nistax ma nsemmix ukoll lill-president Keith Perry li hu ġentlom mill-kbar u li flimkien mal-kumitat tiegħu ħadem qatigħ sabiex lill-kowċ jipprovdilu l-aqwa elementi possibbli.

Nemmen li kien hemm struttura sa minn meta konna fiċ-Challenge League u din ir-riċetta ġabet magħha ħafna suċċess. Kien proġett għall-futur u kif qal l-istess kowċ għadna ma waqafniex hemm għax irrid inkomplu nemmnu li nistgħu nagħmlu affarijiet kbar.

Fl-aħħar mill-aħħar kulħadd ta sehmu għal din ir-rebħa. 

Issa li ġejtu fit-tielet post se tkunu qed tikkompetu fil-UEFA Europa Conference League. Kif qed tippreparaw għaliha din l-esperjenza?

L-ewwelnett irnexxielna nissiġġillaw il-kwalifikazzjoni tagħna Ewropea żewġ logħbiet minn tmiem il-kampjonat. Domna nokkupaw dan il-post għal tul ta’ żmien u bdejna nġibu l-punti għalkemm dejjem ħarisna logħba logħba. It-tim baqa’ jissielet għall-punti għax kellu motivazzjoni speċjali u qatt ma ġejna maqbużin, xi ħaġa li kienet waħda ferm pożittiva.

Issa se nkunu qed nibdew il-preparazzjonijiet tagħna anke bil-plejers il-ġodda li rnexxielna nakkwistaw sabiex immorru tajjeb f’din il-kompetizzjoni Ewropea.

X’taħseb dwar il-plejers barranin li akkwistajtu u li verament irnexxew?

Bla dubju li dawn il-plejers barranin kienu tal-ogħla livell u kollha kemm huma rnexxew fl-iskwadra tagħna. Konna grupp magħqud minkejja li konna ġejjin minn realtajiet differenti iżda wkoll minħabba din l-integrazzjoni konna tim wieħed lil hinn minn stilel u mhux. Il-klabb kellu budget partikolari għall-barranin iżda żgur li x-xogħol minn qabel sar sew.

Meta taħseb li dieħel lura fl-iskwadra Slimiża?

Qed nittama li nkun tajjeb għal-logħbiet tal-Ewropa u għalhekk qed nitkellmu għall-bidu ta’ Lulju. Xorta se nipprova nżomm kawt għax din l-injury li kelli ma kinitx waħda faċli. Madankollu ninsab pożittiv li jirnexxieli nagħmilha.

Kif qed tarah il-futur tiegħek?

Bħalissa se nkun qed nibda l-aħħar sena kuntratt ma’ Sliema Wadnderers. Jien minn dejjem kont mal-Blues sa minn meta kelli sitt snin u l-ħolma tiegħi kienet dejjem li nibqa’ b’dan il-flokk. Irnexxieli nwettaq ħafna ħolm u jekk toħlom, tistenna li jkun hemm aktar objettivi li jintlaħqu. 

Nixtieqek twassal messaġġ lil dawk kollha involuti fi ħdan Sliema Wanderers sabiex tirringrazzjahom ta’ dan l-istaġun brillanti li kellkom.

Nixtieq l-ewwel nirringrazzja lill-familja tiegħi li tant ħadu paċenzja bija u kienu hemm għalija anke f’mumenti diffiċli bħal meta kelli din l-injury. Anke l-klabb kien warajja f’din il-mixja li kien fiha l-ferħ u l-imrar tagħha. Grazzi wkoll lill-partitarji Slimiżi li kkonkorrew bi ħġarhom waqt l-aħħar logħbiet tal-kampjonat li kienu ferm deċiżivi!

Ekonomija

Sport