Wednesday, July 24, 2024

Qed naspira li nagħmel it-trippla ma’ San Ġiljan ASC – Zeljko Kovacic (coach)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

X’tikkummenta fuq ir-rebħ tal-kampjonat tax-xitwa, u kif qed tippreparaw għall-kampjonat tas-sajf?

Għall-kampjonat tax-xitwa nista’ ngħid biss kliem sabiħ. Din ix-xitwa kellna kompetizzjoni interessanti ħafna, b’ħafna plejers neqsin (Jake Tanti, Ben Plumpton, Nikolai Zammit), u tant plejers żgħażagħ kellhom iċ-ċans jiġġieldu għal posthom għall-kampjonat tas-sajf.

Jien ninsab pjuttost kuntent b’kif it-tim tiegħi ħadem f’dan il-perjodu, u lagħab ukoll. Dak li juruni l-plejers jagħtini fiduċja għall-preparazzjoni tagħna għas-sajf tal-2024.

L-aħħar logħba ma kinitx fil-livell hekk kif konna l-biċċa l-kbira tal-kampjonat tax-xitwa. Forsi l-fatt li rbaħna qabel ma bdiet ħalla xi ftit impatt fuq il-plejers. Kellna nieqes lil Darren Zammit ukoll, u bdejna l-logħba finali ħażin ħafna, iżda l-plejers tiegħi rreaġixxew tajjeb wara l-ħin barrani u dawru l-logħba favur tagħna u rebħu l-kampjonat tax-xitwa.

Xi plejers qed juru titjib kontinwu, u, bħala tim, il-plejers tiegħi qed jitjiebu kuljum. Il-koeżjoni tagħhom ġewwa u barra mill-ilma kienet kruċjali fit-triq tar-rebħ tagħna din ix-xitwa.

Għall-kampjonat tas-sajf nistenna xejn inqas milli tawni s’issa. Nixtiequ niddefendu t-titlu tagħna.

L-għan tagħna huwa li nippreparaw bl-aqwa mod possibli għall-ewwel trofew maġġuri, it-Tazza tal-President, u wara niffukaw fuq il-kampjonat tas-sajf.

U dwar ir-rebħ tal-Enemed Cup…

M’hemmx ħafna xi ngħid!

Kuntenti li rbaħna trofew ieħor, iżda dan ikun il-perjodu matul is-sena kalendarja, fejn il-plejers ma jkunux motivati wisq, u ma tantx jieħdu sehem timijiet ukoll. Ħafna plejers tal-aqwa tliet timijiet ikunu qed jilagħbu barra minn xtutna, għalhekk il-kompetizzjoni ma tkunx fl-ogħla livell tagħha.

X’tikkummenta fuq il-prestazzjonijiet u r-riżultati li kiseb it-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo fil-Kroazja matul l-aħħar edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej fil-Kroazja?

Malta pparteċipat f’dawn il-Kampjonati Ewropej b’tim pjuttost ġdid, u xi uċuħ ġodda.

Onestament ma rajtx il-logħob kollu … uħud biss.

Dan it-tim kellu xi uċuħ ġodda mingħajr wisq esperjenza internazzjonali. Dan it-tim forsi għandu wisq plejers mingħajr esperjenza, u żgur li tilef xi plejers veterani u ta’ esperjenza biex imexxu t-tim fl-ilma.

Nista’ ngħid li kellhom kampjonat tajjeb, xejn aktar minn hekk!

Meta l-aqwa plejer tiegħek ikollu bejn 16 u 17-il sena u l-aqwa plejer fit-tim ikun il-goalkeeper, allura ma tistax tistenna mirakli.

Iżda Malta għandha plejers żgħażagħ promettenti. Naraw kif se jiżviluppaw, min se jintgħażel biex jiġi mbuttat mill-ASA bħala “promettenti.”

Mingħajr it-tim nazzjonali u l-logħob internazzjonali huwa diffiċli li jintlaħaq livell ogħla għal kull plejer. U f’Malta l-plejers m’għandhomx l-istess ċansijiet u opportunitajiet kollha biex jirnexxu, sfortunatament l-isport illum mhu ġust xejn u mhux kif għandu jkun!

L-isport tilef ħafna valuri sfortunatament!

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-kumitat immexxi mill-president, Peter Bonavia?

Jien ninsab kuntent ma’ San Ġiljan ASC għax il-kumitat jagħti valur lil kull plejer u jħossu parti minn din il-familja wisq kbira. Minkejja li l-president Peter Bonavia ħafna drabi jkun okkupat bix-xogħol tiegħu, madankollu dejjem iżomm kuntatt magħna permezz ta’ WhatsApp u anke jtina ħafna kuraġġ qabel xi logħba. Hu dejjem ikun disponibbli sabiex jara li bħala plejers u kumitat ma jkun jonqos xejn.

Kif qed tarah il-futur tiegħek?

Bħalissa għandi kuntratt ta’ sena oħra ma’ San Ġiljan ASC u qed naspira li nagħmel it-trippla, jiġifieri li nirbaħ il-kampjonat ma’ dan il-klabb għat-tielet sena konsekuttiva.

Ma’ San Ġiljan inħossni wisq għal qalbi u nirringrazzja lill-partitarji li wkoll ikunu magħna tul il-logħbiet li nilagħbu.

Fil-fatt nixtieq nagħlaq din l-intervista billi tagħmel appell lill-partitarji ta’ San Ġiljan ASC, sabiex dejjem ikunu magħkom matul il-logħbiet li tilagħbu.

Naħseb li l-partitarji dejjem irrispondew bl-aħjar mod possibbli għall-appell li jagħmel il-klabb li jkunu warajna tul dawn il-logħbiet. Jien nixtieq nirringrazzjahom talli dejjem jagħtuna s-sapport massimu tagħhom, u jkunu magħna tul din l-avventura ferm sabiħa li ninsabu għaddejjin minnha! 

Ekonomija

Sport