Anzjan mixli li pprova joqtol lil martu b’daqqiet ta’ martell qal lill-ġurati li kienet martu l-ewwel li qabdet il-martell, u sostna li kienet hi li laqtet lilha nnifisha waqt taqbida bejniethom f’argument dwar il-flus.
Emanuel Borg, ta’ 68 sena, kien qed jixhed fid-difiża tiegħu stess fit-tielet jum tal-ġuri dwar l-allegat attakk li seħħ fir-razzett tal-koppja fil-Mellieħa f’Novembru tal-2019. Huwa qed jiċħad li pprova joqtol lil martu, Maria Dolores Borg, u li kkaġunalha ġrieħi gravi. Il-prosekuzzjoni qed tallega li waqt li kienet rieqda, prova joqtolha billi sawwatha b’martell. Madankollu, Borg irrakkonta verżjoni kompletament differenti.
“B’dan naqsamlek rasek”
Fix-xhieda tiegħu qal li hu u martu kienu ilhom miżżewġin 40 sena u għandhom tlett itfal. Minkejja li ammetta li xi kultant kienu jinqalgħu argumenti, insista li ż-żwieġ tagħhom “ma kienx ħażin”. Qal li dakinhar kien daħal mill-għalqa għall-ħabta tal-11.00 ta’ filgħodu, biddel il-ħwejjeġ, inħasel u talab lil martu xi ħaġa x’jiekol. Meta sab li l-ikel kien kiesaħ, qaltlu li l-microwave kien bil-ħsara u marret issaħħan l-ikel għand binhom. Waqt l-ikel, spjega, il-konversazzjoni daret fuq il-flus.
Skont Borg, talab lil martu €300 biex ikabbar il-kamra fejn kien iżomm il-prodotti tar-raba’ qabel jeħodhom il-pitkalija. Qal li dejjem kien jagħtiha l-flus kollha li jaqla’ mix-xogħol u mill-biedja biex hi tieħu ħsieb il-finanzi tad-dar.
“Normalment kienet tagħtihomli jekk nitlobha. Dakinhar ma riditx, għax qaltli li l-għalqa ma kinitx qed trendi u li kien aħjar noqgħod id-dar,” xehed. Huwa qal li martu rrabjat u staqsietu għal xiex kellu bżonn il-flus. “Qaltli, ‘X’se nagħtik; €300? B’dan naqsamlek rasek,’ u qabdet il-martell.”
“Il-martell kien f’idejna t-tnejn”
Borg qal li fuq il-bank tal-kċina kien hemm martell li binhom kien ilu juża għal xi xogħol tad-dar. Skontu, martu qabdet il-martell u hu qabad il-manku. “Hi ġibditu lura u laqtet lilha nnifisha bil-martell,” qal lill-ġurati.
Kompla jgħid li t-tnejn baqgħu jikkwistjonaw fuq il-martell u waqt il-ġlieda hija reġgħet intlaqtet, fosthom fuq wara ta’ rasha. “Il-martell kien f’idejna t-tnejn, mhux f’idi biss,” sostna, filwaqt li qal li kollox seħħ fi ftit sekondi.
“Meta rajt id-demm inħsadt”
L-akkużat qal li malli ra d-demm ippanikkja u ċempel minnufih għall-ambulanza. Skontu, martu kienet poġġiet fuq is-sufan u qaltlu li kienet “mhux ħażin, imma naqra storduta”.
Huwa qal li ħareġ diversi drabi jfittex l-ambulanza, iżda meta reġa’ daħal sabha mal-art. Għenha titla’ fuq sodda sakemm waslu l-paramediċi. “Meta waslet l-ambulanza għidtilha, ‘Dor, ġew għalik.’ Ħarġet bil-mod u telgħet fuq l-istretcher,” qal.
Borg qal li aktar tard ittieħed l-Għassa tal-Mellieħa u għalquh f’ċella. Wara xi sigħat, qal, reġa’ mar ir-residenza mal-pulizija, fejn sab lil bintu tnaddaf id-demm mill-art. Skontu, surġent tal-pulizija talbu jgħinhom itellgħu l-martell mill-pixxina sabiex jiġi eżaminat mill-esperti forensiċi. Huwa qal li ġab kopp biex il-pulizija setgħu joħorġu l-martell mill-ilma. Borg insista wkoll li ma ffirmax l-istqarrija tiegħu lill-pulizija għax ma qabilx mal-verżjoni tal-fatti li kienet tqiegħdet quddiemu.
Il-forensiku jiddeskrivi ġrieħi gravi
Aktar kmieni, it-tabib forensiku Mario Scerri xehed li Maria Dolores Borg sofriet ġrieħi serji kompatibbli ma’ daqqiet minn oġġett iebes. Scerri qal li wasal fuq il-post għall-ħabta tas-2.40pm u eżamina lill-vittma qabel ittieħdet l-Isptar Mater Dei. Il-ġurati raw ritratti tagħha mgeżwra f’kutra u b’xagħarha maqtugħ qasir.
Huwa qal li dak il-ħin kienet orjentata għall-post u għall-persuna, iżda mhux għaż-żmien. Meta staqsieha x’ġara, wieġbet li ma tiftakarx. Scerri elenka sensiela ta’ ġrieħi, fosthom laċerazzjonijiet fuq ix-xoffa ta’ fuq, taħt l-imnifsejn tal-lemin u madwar il-ħalq, ematoma madwar għajnha l-leminija, kif ukoll ġrieħi oħra li, qal, kienu kollha kompatibbli ma’ blunt force trauma.
Huwa semma wkoll ksur fl-imnieħer.
Skontu, il-ġrieħi kienu ta’ natura gravi, għalkemm il-kundizzjoni tagħha baqgħet stabbli fil-jiem ta’ wara. Meta reġa’ eżaminaha f’Jannar tal-2020, qal li kienet qed twieġeb b’mod koerenti u korrett għall-mistoqsijiet kollha. Madankollu, hija baqgħet b’żewġ ċikatriċi permanenti — waħda fuq in-naħa tal-lemin tal-moħħ u oħra qrib il-ħalq — li, qal, kienu jidhru ċar.
“Setgħet qalgħet diversi daqqiet”
Mistoqsi mill-prosekuzzjoni kemm-il daqqa setgħet qalgħet il-vittma, Scerri qal li l-ġrieħi jissuġġerixxu diversi impatti. “Jista’ jkun li qalgħet daqqiet fl-imnieħer, fil-ħalq u fir-ras,” qal. Spjega wkoll li l-wiċċ għandu ħafna vini u għalhekk il-ġrieħi f’dik iż-żona jdemmu ħafna u minnufih. “L-ewwel sigħat huma l-aktar kritiċi. It-tobba dejjem jilagħbuha safe għax is-sitwazzjoni tista’ tinbidel f’daqqa,” qal.
Tkellem ukoll dwar id-depressjoni tiegħu
Fix-xhieda tiegħu, Borg qal li ilu jbati bid-depressjoni għal snin twal. Spjega li l-problemi tiegħu bdew wara li kienu akkużawh bi ħtija f’każ marbut ma’ qtil tal-għasafar fir-riżerva tal-Għadira, fejn kien jaħdem bħala watchman. Qal li wara dak l-episodju beda jmur għand psikjatra. “Nieħu seba’ pilloli filgħodu u tmienja filgħaxija. Ħaduli saħħti,” qal. Meta mistoqsi dwar iż-żwieġ tiegħu, Borg qal li martu kienet ilha madwar 12-il sena tgħidlu li ma baqgħetx tħobbu u li xi kultant kienet tgħidlu li kien messhom ddivorzjaw.
Minkejja dan, insista li ż-żwieġ tagħhom ma kienx wieħed ħażin. Qal ukoll li kienu jorqdu f’sodod separati għax martu kienet tilmenta li kien idaħħal ħafna trab mill-għalqa fil-kamra tas-sodda.









