Rabat Ajax jinsabu lesti biex jagħtu bidu għal proġett ambizzjuż li għandu l-għan li jerġa’ jqiegħed lill-klabb fost il-protagonisti tal-futbol Malti fis-snin li ġejjin.
Dan is-sit huwa infurmat li t-tmexxija tal-Magpies qed taħdem fuq pjan fit-tul immirat biex il-klabb jibni pedamenti b’saħħithom, bil-ħsieb li gradwalment jimmilita u jikkompeti fl-ogħla diviżjonijiet tal-futbol Malti.
Sorsi qrib il-klabb indikaw li l-kowċ b’esperjenza Jesmond Zammit huwa l-kandidat ewlieni sabiex jieħu ħsieb il-parti teknika ta’ dan il-proġett. Għalkemm sal-mument tal-kitba għadha ma tħabbret l-ebda ħatra uffiċjali, jidher li l-amministrazzjoni tqis lil Zammit bħala l-profil ideali biex imexxi din il-fażi ġdida.
Zammit għandu reputazzjoni soda fil-futbol lokali, wara li fil-passat mexxa proġetti simili ma’ Dingli Swallows u Żebbuġ Rangers, fejn kien strumentali biex bena timijiet kompetittivi u stabbilixxa bażijiet b’saħħithom għall-futur.
Jekk jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat, il-wasla tiegħu tista’ tkun l-ewwel pass minn sensiela ta’ inizjattivi li Rabat Ajax qed jippjanaw sabiex jerġgħu jagħmlu lill-klabb wieħed kompetittiv u b’aspirazzjonijiet serji għall-promozzjonijiet fis-snin li ġejjin.
Il-partitarji tal-Magpies issa qed jistennew b’interess l-iżviluppi li mistennija jseħħu fil-ġimgħat li ġejjin, hekk kif il-klabb jidher determinat li jiftaħ kapitlu ġdid fl-istorja tiegħu.









