Tuesday, December 24, 2024

“Kienu jafu li t-temp ma kienx jippermetti li ssir bravura bħal din, għax il-baħar kien qawwi”

It-traġedja li kienet seħħet fis-sajf tas-sena 2017 meta Julian Jean Rene Quatresous kien tilef ħajtu wara li flimkien ma’ ħames żgħażagħ oħra qabżu minn fuq il-bastiment Fernandes II

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

‘Adulti ġabu rwieħhom ta’ tfal’

It-traġedja li kienet seħħet fis-sajf tas-sena 2017 meta Julian Jean Rene Quatresous kien tilef ħajtu wara li flimkien ma’ ħames żgħażagħ oħra qabżu minn fuq il-bastiment Fernandes II fil-ħin li dan kien dieħel lejn ix-xatt ta’ Tas-Sliema, spiċċat f’battalja legali fil-Qorti bil-familjari taż-żagħżugħ jitolbu kumpens minħabba li huma argumenta li kien hemm negliġenza u nuqqas ta’ osservanza tal-liġijiet marittimi. L-Imħallef Toni Abela f’sentenza li ta’ kien ċar ħafna u ddikjara li, “‘adulti ġabu rwieħhom ta’ tfal’. Kienu jafu li t-temp ma kienx jippermetti li ssir bravura bħal din, għax il-baħar kien qawwi”.

Il-familja fetħet proċeduri kontra l-kumpanija Captain Morgan Crusies hi propjetarja tal-bastiment Fernandes II li fuqu jiġu organizzati parties waqt li l-bastiment jagħmel traġitt minn tas-Sliema, Malta sa’ Kemmuna u lura. Il-każ kien seħħ fit-12 ta’ Awwissu tas-sena 2017 waqt waħda minn dawn l-avvenimenti, filwaqt li l-bastiment Fernandes II kien jinsab fit-traġitt tiegħu lura lejn Tas-Sliema seħħ inċident abbord dan il-bastiment.

Minħabba dan l-inċident tilef ħajtu Julian Jean Rene’ Quatresous li jiġi iben Christine Lecomte u Bruno Jacques Georges Quatresous u ħu il-minuri Nathan Rene’ Jean Quatresous. Il-katavru ta’ Julian Jean Rene’ Quatresous eventwalment instab fil-baħar, madwar mil ‘il barra mix-xatt ta’ Portomaso fis-17 ta’ Awwissu. Huma sostnew li l-inċident u konsegwentament il-mewt ta’ Julian seħħet minħabba negliġenza, imperizja u inosservanza ta’ diversi liġijiet u regolamenti fosthom dawk marittimi kif ukoll ta’ saħħa u sigurtà fuq bastiment.

Huma talbu lill-Qorti tiddikjara li l-Captain Morgan Submarine Limited, Captain Morgan Cruises Limited u Captain Morgan Leisure Limited huma responsabbli tal-inċident li seħħ nhar it-tnax 12 ta’ Awwissu abbord il-bastiment Fernandes II fejn tilef ħajtu traġikament Julian Jean Rene’ Quatresous u tillikwida danni.

Is-sentenza mill-Imħallef Toni Abela qalet li “Julian flimkien ma’ għadd ta’ persuni żagħżagħ bħalu, ġew Malta biex jiddevertu fost oħrajn f’sensiela ta’ summer parties. Fost dawn kien hemm wieħed organizzat fuq il-Vapur bl-isem ta’ Fernandes ll. Meta dan il-vapur kien dieħel lura lejn The Ferrys f’Tas-Sliema, Jacque u ħbiebu ddeċidew li jaqbżu minn fuq il-vapur waqt li kien għadu miexi. Qabżu f’baħar imqalleb. Dawk li qabżu kienu sitta b’kollox. Ħamsa rnexxilhom jagħmluha sax-xatt, ħlief għal Jacques. Filfatt hu instab xi tlett ijiem wara fi stat ta’ dekompożizzjoni. Il-familjari tiegħu għamlu din il-kawża kontra l-Captain Morgan Cruises peress li qegħdin jattribwixxu lil Captain Morgan Cruises ir-responsabbilità għall-mewt ta’ binhom.”

Intqal li “fil-każ li għandha quddiemha l-Qorti huwa wieħed li jirrigwarda inċident li seħħ fuq il-baħar. Fil-qadi ta’ dmirijietu l-kaptan huwa responsabbli għal kull traskuraġni jew kondotta ħażina wkoll jekk il-ħtija tkun żgħira ħafna, u jkun responsabbli għall-ħsara kollha li tinqala’ minn nuqqas ta’ tħaris ta’ xi liġi jew regolament; ir-responsabbiltà tiegħu tispiċċa biss jekk jintwera li hu eżerċita l-attenzjoni kollha xierqa. Il-kaptan huwa responsabbli għat-tmexxija u għan-navigazzjoni xierqa tal-bastiment, għas-sigurezza tal-bastiment, tal-ekwipaġġ u tal-passiġġieri tiegħu, u huwa responsabbli wkoll li jilqa’ malajr, u jistiva, jieħu ħsieb u jiżbarka kif imiss il-merkanzija, u li jżomm id-dixxiplina abbord u hu għandu jkun abbord fil-ħinijiet kollha matul il-vjaġġ.”

Is-sentenza tgħid li “jekk wieħed jieħu sentenza fl-ismijiet Boyce -vs- Bayliffe”, deċiża mill-Qrati Ingliżi fl-1807, Lord Ellenborough stqarr li “l-kaptan ta’ vapur għandu n l-awtorità li jagħmel dak li hu neċessarju għas-sigurtà ta’ dawk abbord. Dan bil-konsegwenza li jekk il-kaptan jonqos li jintervjeni u juża l-awtorità tiegħu fl-interess ta’ min ikun abbord, u passiġġier isofri ħsara li l-kaptan, bl-awtorità tiegħu, seta’ jevita, allura dik il-persuna fl-awtorità tkun responsabbli għal dawn id-danni.

“Ħajjet il-passiġier fuq opra tal-baħar hija imħarsa sakemm ikun umanament possibbli mill-Kaptan tal-vapur”

Is-sentenza tgħid li “l-kaptan ikollu awtorità fuq l-ekwipaġġ tiegħu, il-passiġieri tiegħu u persuni abbord, biex jinforza ubbidjenza għall-ordnijiet leġittimi tiegħu sabiex il-bastiment ibaħħar u jitmexxa u sabiex jinżamm il-bonordni abbord. Il-kaptan ta’ jew il-persuna inkarigata minn bastiment Malti għandha, safejn tista’ tagħmel hekk mingħajr ma tipperikola serjament il-bastiment, l-ekwipaġġ u l-passiġġieri tagħha, tagħti għajnuna lil kull persuna li tinsab fuq il-baħar fil-periklu li tista’ tintilef”. Minn dawn il-brani tal-liġi jirriżulta li ħajjet il-passiġier fuq opra tal-baħar hija imħarsa sakemm ikun umanament possibbli mill-Kaptan tal-vapur.

Però din il-Qorti żżid tgħid li l-passiġġier irid jimxi id f’id mal-kaptan u li jobdi l-ordnijiet li lilu jkunu mogħtija. Konsiderazzjonijiet li bħal dejjem tagħmel din il-Qorti f’kawżi bħal dawn, qabel il-likwidazzjoni tad-danni, trid l-ewwel tkun riċerkata r-responsabbilita’ għall-inċident li wassal għal din il-kawża. Wara, jekk dejjem ikun il-każ, il-Qorti tgħaddi biex tillikwida d-danni.

Huwa paċifiku bejn il-partijiet, li bħala fatt il-passiggier mhux waqa’ fil-baħar waqt il-vjaġġ iżda flimkien ma’ oħrajn qabeż fil-baħar b’mod volontarju bit-tir li jgħum sax-xatt. Fir-rikors ġuramentat, imkien ma jgħid li Julian qabeż minn jheddu, iżda li seħħ inċident. Huwa fl-ittra uffiċjali li jissemma’ li qabeż. Filwaqt li l-Maġistrat tal-Għassa Aaron Buġeja nforma lill-ispettur, li ma kienx hemm għalfejn issir inkjesta peress li dawn kienu qabżu minn jheddhom, fi ftit kliem, il-Maġistrat bħal donnu ħass li lanqas kien hemm għalfejn jiskopri min kien reponsabbli għall-inċident tant li l-każ kien ovvju.

L-istess konklużjoni waslu għaliha f’survey report Vassallo & Associates. Mill-provi jirriżulta li ħadd minn dawk li qabżu, inkluż Jacques ma kien minuri u li l-party fuq l-opra kien qiegħed ikun organizzat skond il-liġi. Imkien ma tressqet xi prova li dan ma kienx minnu, anzi għall-kuntrarju, l-partijiet kollha joħduħ bħala fatt li kien kollox liċenzjat.”

Is-sentenza qalet li “tul il-kawża saret emfażi kbira dwar l-apparat ta’ salvataġġ, in-numru ta’ passiġiera li kien hemm fuq l-opra u fatturi oħra ta’ sigurtà. It- tagħmir ta’ salvataġġ kien hemm . Paul Caruana, engineer marittimu ta’ esperjenza jgħid hekk: “Inti għandek lista ta’ safety equipment … mniżżla f’dak iċ-ċertfikat. Dak ċ-ċertifikat huwa ‘detailed’. U fir-rapport li noħorġu aħna, kull biċċa apparat li aħna niċċekkjaw … għax ħafna drabi dawn jiskadu, qegħda imniżżla hemmhekk. Jiġifieri ħa ngħidlek jiena hu li r-rapport tagħna kollu u fih kull biċċa apparat li aħna rajna. U li aħna kkonfermajna li huwa tajjeb”.

Is-sentenza tgħid li l-inġinier ikompli jgħid li “iva, jiena dak in-nhar, wara li ġara dan l-inċident, jiena kont mort abbord, tlabt li mmur abbord, biex jiena inkun ċert li l-għoli tar-railing tal-vapur, kien dak li hu preskritt … li jrid ikun metru.

U hekk kien metru… kif jitolbu r-regoli.” Jiġifieri, ma setax ikun li persuna tegħlibha rasha u taqa’ il-baħar involontarjament, dak li jkun bil-fors irid jagħmel sforz biex jaqbeż ir-railing, kif fil-fatt għamlu Jacques u sħabu. Il-Qorti ma tarax li fiċ-ċirkostanzi li kwistjoni tal-apparat ta’ salvataġġ tant kellha importanza fid-dawl tal-mekkanika ta’ kif ġara l-inċident għaliex mingħajru jew bih, Jacques bħal sħabu, kienu predeterminati li jaqbżu fil- baħar waqt li l-vapur kien għadu miexi. Il-Kaptan jikkonferma li fil-mument li qabżu n-nies il-vapur kien miexi 8.5 knots. Minn dawn il-Qorti għandha għalfejn tifhem, li kien hemm pjan konċertat biex jaqbżu u huwa ċar li dan sar qabel ma bdew jixorbu. Is-sitta li qabżu kienu jafu li t-temp ma kienx jippermetti li issir bravura bħal din, għax il-baħar kien qawwi.

“Jekk dan kienx bluha taż-żogħżija, il-Qorti ma tafx x’jista’ jkun”

Is-sentenza tgħid li “fil-Marine Accident Report hemm imniżżel hekk: “sitt persuni ddeċidew li jaqbżu mill-bastiment waqt li dan kien fi triqtu lejn Tas-Sliema.” Is-sentenza qalet li jekk dan kienx bluha taż-żogħżija, il-Qorti ma tafx x’jista’ jkun. Għalhekk kwalunkwe argument dwar tagħmir ta’ salvataġġ u ħwejjeġ oħra anċillari, fil-kuntest ta’ dan l-inċident partikulari, ftit li xejn għandu rilevanza. Kien ikollu rilevanza kieku per eżempju kien hemm xi kolliżjoni marittima jew jekk il-vapur beda jagħmel l-ilma.

Għaliex f’ċirkostanza bħal din it-tagħmir ta’ salvataġġ tassew kien ikun importanti. Imma mhux meta min qabeż minn jheddu kien diġa’ iddeċieda li jaqbeż fil-baħar indipendentement minn dan it-taghmir. Aktar u aktar meta l-opra kienet għadha miexja, fid-dlam, f’baħar imqalleb. Sakemm il-vapur waqaf kien diġa’ tbiegħed xi nofs mil minn fejn saret il-qabża biex b’hekk kull operazzjoni ta’ salvataġġ ikkumplikat ruħħa immensament.

Is-sentenza tgħid li “jekk wieħed jaqra x-xhieda ta’ Emmanuel Previ, inġinier, dan jirrakkonta, li tlieta minnhom kienu qabżu l-baħar qabel f’San Pawl il-Baħar, meta huwa kien qiegħed itella’ l-ankra. Dawn saħansitra kienu qabżu meta l-Kaptan kien diġa’ informa biex ħadd ma jinżel fil-baħar. Dawn xorta qabżu, meta l-vapur kien diġa’ xegħel il-magni tant li kellhom jittellgħu bis-sellum. Kif jgħidu, il-ġurnata minn kmieni filgħodu turik. Għal dawk li organizzaw il-Party, Cosimo Dambra, l-organizzatur ta’ Lazy Pirate Boat Parties jixhed li “aħna nipprovdu l-catering, deejay, staff ta’ bar u sigurtà.

“Qabel hu kien uża l-kannabis imma mhux possibbli jidentifikaw kemm, meta jew li kienx affettwat mill-Kannabis fil-ħin tal-mewt”

Jirriżulta li “l-kaptan Joe Gabriele fix-xhieda tiegħu qal s-sigurtà li jipprovdi l-organizzatur tal-party (charterer, f’dan il-każ Lazy Pirate Party) tagħmel ir-rondi u jekk tosserva li hemm xi ħaġa mħux flokha tinforma mill-ewwel lill-kaptan. Jirriżulta li ħadd ma attira l-attenzjoni tal-Kaptan li kien hemm xi ħaġa rregolari u qabel qabżu s-sitta, ma jirriżultax li kien xi għemil irregolari jew vjolenti fuq il-vapur. Ħafna mix-xhieda ħbieb ta’ Jacques allegaw, li qabel ma qabżu kienu ilhom jixorbu, inkluż Jacques. Mill-eżami forensiku jirriżulta li Jacques “seta’ ikkonsma alkohol qabel ma miet imma l-ammont u l-effetti tiegħu ma jistgħux ikunu determinati. Dawn ittieħdu sitt ijiem wara l-mewt tiegħu. Qabel hu kien uża l-kannabis imma mhux possibbli jidentifikaw kemm, meta jew li kienx affettwat mill-Kannabis fil-ħin tal-mewt”.

Is-sentenza saħqet li “imma wieħed jistenna li, xorb dejjem ikun hemm u jattendu għalih nies adulti. Il-kontroll ta’ kemm tixrob hija fid-diskrezzjoni tal-konsumatur. Kieku kellu jkun argumentat mod ieħor, persuna li jkollha kolliżjoni stradali għax xorbot iżżejjed tista’ tattira wkoll ir-responsabbilta’ tal-ħanut li jkun serva x-xorb, li hija ħaġa inkonċepibbli. Hawnhekk qed nitkellmu dwar persuni li huma adulti iżda sfortunatament ġabu rwieħhom ta’ tfal. Il-Qorti terġa’ tfakkar li l-ftehim li jaqbżu kien sar qabel ma kienu bdew jixorbu. Fl-aħħar nett irid jingħad li l-Kaptan jispjega x’manuvri għamel wara li qabżu: “Nagħmel ex-practise, nagħmel l-affarijiet li nagħmel is-soltu.

Indur, nipprova infittxhom, nixgħel is-search light, insikket, waqqaft id-disco, waqqaft in-nies milli jitkellmu biex nismaghhom, jgħajtu …”. Wettaq ukoll il-manuvra msejħa bħala Williamson turn. Li tkun meħtieġa sabiex jipprova jiġi fuq l-istess post minn fejn qabżu. Il-Qorti ma tista’ issib ebda responsabbilità tal-kaptan li setgħet waslet għal dak li ġara.”

Intqal li “lanqas jista’ jingħad, kif tgħid iċ-ċitazzjoni, illi s-sidien tal-bastiment naqsu li jassikuraw is-sigurtà ta’ min jinqeda bil-moll, għax ma tistax raġonevolment tistenna li l-konvenuti setgħu jobsru li xi ħadd sejjer jinqeda bil-moll kif inqeda bih l-attur”. Din l-osservazzjoni hija ugwalment applikabbli għall-każ odjern, għaliex kif qatt xi ħadd seta’ jobsor li xi ħadd ser jaqbeż il-baħar minn fuq vapur miexi, fid-dlam u f’baħar imqalleb.”

Ekonomija

Sport