Thursday, December 26, 2024

Kieyan Borg b’mira li jagħmilha mat-tim tal-kbar ta’ Sliema

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-waterpolo?

L-imħabba tiegħi għall- waterpolo bdiet meta kelli tmien snin. Dak iż-żmien kont ilni nipprattika l- għawm sentejn. Missieri, Neville, kien jeħodni l- pixxina nara l-logħbiet ta’ Valletta u xi logħbiet importanti wkoll u kont tħaj­jart li nibda l-waterpolo.

X’tikkummenta fuq l-is­taġun li għadda ma’ Ta’ Xbiex?

Kienet esperjenza sabiħa ħafna li lgħabt u ngħatajt ħin tajjeb fil-logħob tal- kampjonat tal-kbar.

Bħala team ta’ Ta’ Xbiex naħseb li kellna kampjonat mhux tas-soltu minħabba s-sorpriżi li kellna ta’ xi rebħ ta’ logħob jew wirjiet tajba min-naħa tagħna, min­kejja n-nuqqasijiet.

Bħalma kien mistenni aħna lgħabna fl-Ewwel Diviżjoni peró b’rebħiet fuq Otters, Marsaxlokk u Sirens, nista’ ngħid li kellna kampjonat ferm pożittiv.

X’tikkummenta fuq il-coach Christian Presciutti?

Huwa ta’ unur kbir li kont ikkowċjat minn ex captain tat-team nazzjonali Taljan u captain preżenti taċ-champions Taljani AN Brescia. Kienet esperjenza unika fejn wieħed seta’ jitgħallem verament x’inhu l-waterpolo u kif jintla­għab minn persuna li bażikament ħajjitha hija l-waterpolo. Tgħallimna affarijiet ġodda li jiġu mgħallma barra minn xtutna biss. Matul l-aħħar sta­ġun, bħala Ta’ Xbiex kellna kampjonat aħjar minn dak li kellna s-soltu u dan żgur ma kienx ikun possibbli li kieku ma kienx għall-coach Presciutti.

Dan filwaqt li fl-istaġuni preċedenti lgħabt mat-timijiet tal-juniors tas-Sliema…

Hekk hu. Hawnhekk ma nistax ma nsemmix is-sajf tal-2019 li kien wieħed memorabbli għalija għax l-ex coach Kroat ta’ Sliema, Sergio Afric, kien tani l-opportunitá li nagħmel id-debutt tiegħi fil-kampjonat tas-sajf mal-kbar.

Għalkemm hafna drabi ma kontx inmiss l-ilma xorta servietni ta’ esperjenza sabiħa li kont parti minn team li baqa’ jiġġieled għall- kampjonat sal-aħħar.

Mil-livell tal-Juniors kelli l-opportunitá li nil­għab fl-Under 20s, parti integrali sew mill-Under 17s u fit-team tal-Under 15s fejn irbaħna l-kampjonat tas-sajf f’decider li kien sar fil-pixxina nazzjonali u rbaħna wkoll il-kampjonat tax-xitwa tal-Under 15s.

Fl-aħħar staġun reġa’ ma kienx hemm is-sistema tal-play-offs. Tabqel li din is-sistema terġa’ tiġi introdotta?

Le, ma naqbilx peress li wara staġun tirbaħ tista’ tit­lef kollox f’radd ta’ salib peró għall- interess tal-pubbliku, il-play-offs jagħmlu l-kampjonat interessanti sal-aħħar.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza mat-team nazzjo­nali ta’ taħt is-17-il sena?

Bħala team nazzjonali Malti ta’ Taħt is-17-il sena, naħseb li l-iskwadra hija b’saħħitha biżżejjed. Bit-tagħlim tal-coach Anthony Farrugia, naħseb li aħna wkoll immaniġġjati taħt idejn tajbin u esperjenzati. 

X’tikkummenta fuq ir- riżorsi (pixxina) li fihom tittrenjaw u tilagħbu f’paj­jiżna?

Ir-riżorsi tal-pixxina hu­ma verament limitati. Pixxina waħda trid tinqasam bejn il-clubs kollha u b’hekk il-ħin li tittrenja huwa limitat fejn il-ħinijiet twal li clubs barranin jit­trenjaw. Hi problema wkoll li l-pixxina hi outdoor u għalhekk fix-xitwa tista’ tħoss il-bard u f’xi każi meta tagħmel ix-xita qalila, it-taħriġ jitħassar.

X’sagrifiċċji jinvolvi li tkun player tal-waterpolo?

Li tkun player tal-waterpolo joffri ħafna sagrifiċċji. Peress li trid titħarreġ kuljum għal madwar sagħtejn u nofs sħaħ, trid tkun verament dedikat. Madankollu, trid iżżomm dieta bilanċjata sabiex ġismek ikun preparat għat-taħriġ intensiv.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mat-taħriġ, l-istudju u mal-waterpolo?

Jien dejjem nipprova insib ħin għal kollox. Nipprova kemm nista’ ma naħlix ħin imma issa drajt b’din il-ħajja għax qisni mrobbi fiha. Xi drabi biex inlaħħaq nibqa’ nistudja sa tard bil-lejl.

Tqis li fil-futur tilgħab mat-team nazzjonali tal- waterpolo mmexxi minn Karl Izzo?

Li nilgħab mat-team nazzjonali għalkemm hija diffiċli iżds mhux impossibli, hija x-xewqa tiegħi. Fl-aħħar mill-aħħar, kul­ħadd jittrenja biex xi darba jkun fost l-aqwa. Jien ser nistinka u nagħmel dak kollu li nista’ sabiex dawn ix-xewqat isiru realtá.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

Jien nixtieq li nibqa’ nkun parti integrali mit- timijiet tal-Juniors ta’ Sliema u tan-nazzjonal sa­kemm nagħmilha mat-ti­mijiet tal-kbar. F’moħħi għan­di wkoll li mmur nagħ­mel esperjenza barra minn Malta sabiex inkomlpi niżviluppa l-logħba u l-ħiliet tiegħi. 

Meta nikber jekk tiġi l-opportunitá li mmur nil­għab barra minn xtutna f’livell professjonali, ne­ħodha mill-ewwel!

Tqis li fil-futur tikseb post regolari mat-team tal-kbar tas-Sliema?

Fil-karriera issa wasalt fi stadju importanti fejn wie­ħed għandu jagħmel il-qabża għat-team tal-kbar tal-club tiegħu. 

Huwa l-għan ewlieni tiegħi tal-istaġun li ġej li nagħmilha mat-team tal-kbar ta’ Sliema. Dan huwa l-objettiv ewlieni tiegħi, u meta jirnexxieli nagħmilha, nixtieq ukoll li kif għidtlek, wara naħdem sabiex nagħmilha wkoll mat-team nazzjonali tal-kbar.

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u  żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ success fil-waterpolo?

Irri nibda billi ngħid lill-genituri biex jagħmlu sagrifiċċju biex it-tfal ma jfallux taħ­riġ. 

Jien nemmen li jekk tisma’ mill-coaches, tittrenja bis-serjetá, tkun determimat u temmen fik innifsek, il-ħolm jista’ tabilħaqq isir realtá. Nipprova nħajjar iktar tfal għax aħna f’dan l-isport jidher li għandna potenzjal li nikkompetu fost l-aqwa fl-Ewropa u fid-dinja.

Ekonomija

Sport