Monday, May 6, 2024

KIF NIDRAW L-IMWIET?

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Issa għaddew ġimgħat fejn jum wara l-ieħor, smajna b’attakki bil-bombi u imwiet fl-Iżrael u l-Palestina. Drajnihom. Bdejna nagħtu anqas kas tagħhom. Sadattant in-nies tal-Gaża qed imutu, mhux l-anqas tfal.

Bdejna nidraw il-litaniji dwar imwiet ta’ ċivili. Filfatt huma qed imutu f’numru ħafna aqwa minn tal-militari… jekk dak hu kuntrast siewi. Il-mewt ta’ bniedem, hu/hi min hu/hi, hi ġrajja li ma tista’ qatt titħassar. 

Biss malli tindara, atroċi kemm hi atroċi, aktar u aktar mid-dehra jekk ikun hemm ħafna minnha, qisha ssir normalità li tiġi nkwadrata fl-istatistika. F’dal-qafas kellu sens ironiku l-ilment li għamel il-President Ukren Zelensky li l-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas qed tnessi lid-dinja bil-gwerra f’pajjiżu. Konna drajna nsegwu l-istatistika tal-imwiet fid-Donbass (hekk donnu ried jgħid). Issa nsejniha minħabba fl-istatistika li ħierġa mill-Gaza.

IL-ĠDID U L-QADIM

Fil-kompetizzjoni bejn il-ġdid u l-qadim, il-fehma popolari hi li dejjem jirbaħ il-ġdid. Imma fattwalment mhux hekk jiġri, anke jekk idealment ikun aħjar kieku l-ġdid tassew dejjem jirbaħ. Dan għax il-ġdid aktar għandu ċans ikun familjari maċ-ċirkostanzi kontemporanji li jdawruna u allura aktar lest biex jaddatta u jlesti ħalli jaffaċċjahom. Talanqas teorikament hekk suppost jiġri.

Turija ta’ kemm il-qadim ta’ spiss jibqa’ minn fuq hi t-tellieqa presidenzjali li għaddejja bħalissa fl-Istati Uniti. Tal-iskantament kif fuq quddiem nett baqgħu żewġt irġiel li taħseb x’taħseb dwarhom, kulħadd jaf li xjaħu sew. U qed jirrepetu tellieqa politika li diġà għaddew minnha erba’ snin ilu. L-Amerikani kienu jkunu f’qagħda aħjar kieku kellhom quddiemhom għażla differenti?

L-INDUSTRIJA TAL-BINI

Kont f’diskussjoni publika dan l-aħħar dwar l-industrija tal-bini f’Malta fil-kuntest tal-mudell ekonomiku attwali li żviluppat fih.  Għalija l-problema kollha fid-diskussjoni kienet (u għadha) li apparti mill-prezzijiet tal-appartamenti jew l-inkwiet ambjentali li jqajjem, is-settur tal-bini qed jiġi diskuss f’vakwum finanzjarju. Fejn jissemmew aspetti ekonomiċi, dan isir b’referenza għaċ-ċifri makroekonomiċi kif jidhru fl-istatistika tal-prodott gross domestiku.

Mentri d-diskussjoni biex tkun ċara, trid tinżamm fil-qafas ukoll ta’ kif finanzjarjament l-industrija titmexxa. X’inhi l-profitabbilità tagħha? Kif tiġġenera l-fondi li taħdem bihom? X’inhuma s-sorsi tagħhom u kif tużahom? Kif topera l-cash flow tagħha? Kif tidher il-karta bilanċjali  tipika ta’ kumpanija ta’ ċertu daqs involuta fis-settur tal-bini?

Mingħajr dit-tip ta’ informazzjoni diffiċli tispjega kif u għaliex il-bini jitmexxa b’ċertu mod u mhux ieħor. Bilfors pereżempju jidhru irrazzjonali deċiżjonjiet li tisma’ dwarhom, bħal li se jiġi varat proġett għal lukanda kbira meta kollox jindika li llum għandna lukandi aktar minn biżżejjed, jew hekk jintqal.

Sport