Saturday, May 18, 2024

Jintemm l-istrajk mill-atturi ta’ Hollywood

Aqra wkoll

Wara bosta ġimgħat inattivi, l-atturi Amerikani mistennija jerġgħu jibdew jaħdmu wara li l-unjin tagħhom qablet dwar ftehim tentattiv mal-istudjos ta’ Hollywood biex b’hekk intemm strajk ta’ erba’ xhur.

Il-unjin tal-atturi, Sag-Aftra laħqet ftehim mal-Alleanza tal-Produtturi tal-Motion Picture u TV (AMPTP) f’vot unanimu.

L-għeluq – flimkien ma’ strajk separat tal-kittieba – ipparalizza l-industrija tad-divertiment u ħarbat bosta films u programmi televiżivi ewlenin. Il-ħaddiema kien ilhom jitolbu għal paga aħjar u salvagwardji fuq l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali.

L-atturi laqgħu b’mod pożittiv dan il-ftehim tant li l-president ta’ Sag-Aftra, Fran Drescher  irringrazzjat lill-membri talli aċċettaw dan il-ftehim storiku.

Ir-rebbieħa tal-Oscar, Octavia Spencer kitbet fuq il-midja soċjali:  “Prosit u grazzi lill-kumitat tan-negozjar ta’ sagaftra”

L-attriċi Jamie Lee Curtis wkoll kitbet fuq Instagram li “il-perseveranza tagħti l-frott”.

L-istilla, Mandy Moore qalet fuq il-paġna tagħha ta’ Instagram: “Ejja nerġgħu lura għax-xogħol, ħbieb!” Hija wriet il-gratitudni tagħha lejn sagaftra u tmexxija tagħha li wasslet lill-atturi sal-linja finali. 

Fir-reazzjoni tiegħu fuq instagram, l-attur famuż Alec Baldwin ta prosit lil kull min għamel dan ix-xogħol kbir f’isem l-atturi kollha.

Il-membru tal-kumitat tan-negozjati tal-Unjin Kevin E West qal lil Variety li kien hemm “dmugħ ta’ ferħ u ferħ” wara li l-kuntratt ġie approvat, minkejja li l-ftehim “mhux perfett” minħabba li mhux it-talbiet kollha tal-unjin ġew milqugħa.

L-AMPTP qalet li kienet kuntenta li laħqet il-ftehim tentattiv u issa tistenna bil-ħerqa li l-industrija terġa’ tibda x-xogħol normali. Qalet ukoll li l-ftehim ta lil membri ta’ Sag-Aftra l-akbar qligħ minn kuntratt fuq kuntratt fl-istorja tal-unjin.

Minbarra żieda fil-paga u l-garanziji tal-IA, Sag-Aftra talbet għal aktar ħlasijiet ta’ royalties u kontribuzzjonijiet ogħla għall-pjanijiet tal-pensjoni u tas-saħħa tal-atturi.

Sport