Sunday, December 22, 2024

KIF TNEĦĦI T-TEBGĦA

Aqra wkoll

Problema li qed jaffaċċjaw il-membri tal-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi fil-Parlament Ewropew hi kif se jneħħu t-tebgħa li l-każ tal-korruzzjoni mill-Qatar ċappashom biha. Id-deputati u eks-deputati li ġew arrestati jew issemmew sa issa kollha ġejjin minn dal-grupp.

Is-soċjalisti ilhom vuċi mill-aktar konsistenti fil-Parlament Ewropew biex jisħqu dwar is-saltna tad-dritt, id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxi. Ħadu dil-pożizzjoni ġieli b’manjiera li jien kont nara bħala esaġerata.

Li dan l-iskandlu jinqala’ f’nofs il-grupp — ovvja — kien/hu tebgħa xejn sabiħa. Fetħitu għall-akkuża ta’ ipokresija.

Jien naf kemm f’ħafna każi dan mhux minnu. Hemm differenza bejn li trid tkun qaddis politiku aqwa mill-akbar qaddis; u li tkun ipokrita biex tgħatti t-taħwid li tkun responsabbli għalih. Imma li waħda titħawwad mal-oħra hi ħaġa minn ewl id-dinja.

Għalhekk hi kbira l-isfida tal-grupp socjalista dwar kif se jneħħi t-tebgħa. M’inix konvint li se nsolvu l-problema billi nżidu fid-doża ta’ kemm nitkażaw b’ħaddieħor.

L-GĦAJNUNIET TAL-ISTAT…

… saru l-baqra sagra tal-Unjoni Ewropea. Kollox jew kważi irid jgħaddi mill-għarbiel tal-Kummissjoni li b’mod eżekuttiv trid tagħti n-Nihil Obstat lil ħafna proġetti qabel jiġu varati fi stat membru jew ieħor. B’hekk, il-proġetti ma jikkommettux id-dnub li jitwieżnu b’għajnuna, sussidju, għidlu xi trid, li jista’ jdgħajjef l-integrità tas-suq wieħed Ewropew. 

Din il-possibbiltà tissemma l-ħin kollu. Donnha traqqad l-attenzjoni li messha tinżamm biex il-ħidma favur is-sostenn tal-kompetizzjoni ma titħalliex twassal ħalli proġetti li jridu jingħataw priorità jispiċċaw iġġamjati. Wisq nibża’ li hekk qed jiġri.

Mhux biss baqra sagra. Forsi aħjar wieħed jgħid: Il-politika Ewropea dwar l-għajnuniet tal-istat saret id-denb li jferfer lill-kelb. 

PENSJONIJIET

Għaddejja kontroversja politika u soċjali enormi fi Franza bħalissa. Il-gvern irid idaħħal bidla fis-sistema ta’ pensjonijiet li biha kulħadd jeħtieġ jaħdem aktar qabel ma jkun jista’ jirtira b’pensjoni. Ħaddiema u impjegati ta’ kull tip qed jirrifjutaw. Mhumiex iqisu li dil-ħaġa hi ġusta.

Bħala medja, in-nies qed tgħix ħajja itwal sew milli kienet anke 40 sena ilu. Il-pensjonijiet iridu jitħallsu fuq numru itwal ta’ snin. Xejn ma jidher possibbli li l-fond li minnu jiġu l-flejjes meħtieġa se jlaħħaq mal-bżonnijiet.

M’hemmx alternattiva għal snin aktar ta’ xogħol biex il-pensjonijiet ikunu jistgħu jibqgħu jingħataw.  

Din l-istess bħal li żżomm lit-tfal u ż-żgħażagħ għal aktar żmien fl-iskola. Jekk il-ħajja twalet, x’hemm ħażin filli jitwalu s-snin ta’ tagħlim u warajhom ta’ ħidma qabel jistgħu jinbdew is-snin ta’ “mistrieħ”? Bidla hekk trid issir, imma b’ġustizzja. Mhix ħaġa faċli.   

Ekonomija

Sport