Sunday, December 22, 2024

KISBA NAZZJONALI

Aqra wkoll

L-istatus ta’ newtralità ta’ Malta kif impoġġi fil-kostituzzjoni hu kisba nazzjonali li maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi temmen fiha u taqbel magħha. In-newtralità tikkorrispondi għal xinhu l-aħjar interess ta’ pajjiżna kollu kemm hu waqt li sservi wkoll biex tħares l-aħjar interessi tal-pajjiżi li jinsabu fin-nord u fis-sud tagħna.

In-newtralità titfisser u titfassal skont iċ-ċirkostanzi tal-pajjiż, fost oħrajn il-fatturi storiċi, ġeografiċi u soċjali. U trid tibqa’ tiġi addattata għal kif iċ-ċirkostanzi jkunu qed jinbidlu.

Fil-ħames snin li ġejjin, se jiżdiedu it-testijiet u l-isfidi quddiem in-newtralità ta’ Malta. L-Unjoni Ewropea li tagħha aħna membri sħaħ se tkun qed timilitarizza ruħha. Ma nistgħux u m’għandniex ninjoraw dil-ħaġa billi nippretendu li mhijiex tiġri jew li ma taffettwaniex.

Ir-risposta trid tkun waħda nazzjonali mhux partiġġjana. Trid titħejja wara diskussjoni mifruxa mas-soċjetà kollha dwar is-sitwazzjoni kollha kemm hi.

WIĊĊ IMB’WIĊĊ JEW ELETTRONIKAMENT

Bl-iskuża li qegħdin jimmodernizzaw u jtejbu s-servizzi tagħhom, ħafna banek qed jabbandunaw progressivament kważi kull kuntatt personali dirett mal-klijenti tagħhom. Qed jimbottawhom b’mod jew ieħor biex jinqdew bis-servizzi elettroniċi li “jipprovdulhom” u qed inaqqsu drastikament l-arranġamenti li bihom il-klijenti kienu jmorru f’bank fejn jaqduhom il-kaxxiera.

Skont il-banek, bil-bidliet li ddaħħlu, qed jagħtu servizz ħafna aqwa, fl-aħjar interess tal-konsumatur. Biex dan ikun veru, messhom ħallew is-servizzi l-qodma f’posthom waqt li fl-istess ħin, ipprovdew il-ġodda.

Problema se tkun din: il-banek qed jitilfu kull għarfien siewi dwar il-klijenti tagħhom. Il-kuntatt wiċċ imb’wiċċ mal-klijenti se jkun qed jintilef għal kollox — ħaġa li f’perspettiva tat-tul, niddubita kemm se tkun għaqlija. Meta jkollhom bżonnha tassew, se jsibu li l-informazzjoni li għandhom dwar depożitanti u oħrajn, bl-ebda mod ma turi min huma dawn tassew u xi jridu.

REBBIEGĦA

Ir-rebbiegħa Maltija dejjem kienet staġun ta’ nifs ċkejken li malajr jgħaddi jekk qatt jibda. Bit-tisħin fil-klima, iċ-ċansijiet huma kbar li se jispiċċa dejjem aktar emarġinat fil-kalendarju tat-temp.

L-istess ħaġa qed tiġri fil-bqija tal-Ewropa, inklużi n-nord u l-punent. Il-previżjonijiet huma li waqt li l-Mediterran jisfa dejjem aktar niexef u sħun, l-istess se jiġri f’żoni tal-Ewropa li huma magħrufa għall-frisk u l-kampanji mielsa jħaddru tagħhom. Huma wkoll se jissograw li jitilfu parti sostanzjali mir-rebbiegħa tagħhom.

Jekk dawn il-bidliet tassew iseħħu (kif nemmen li se jagħmlu) bilfors iġibu magħhom bidliet fondamentali ta’ natura ekonomika, kulturali u soċjali. Jekk ma jirnexxilniex inwaddbuhomn fir-rivers (kif ma naħsibx li se jiġri) ikun aħjar li nħejju biex naraw kif se naddattaw ruħna għalihom.

Ekonomija

Sport