Wednesday, April 24, 2024

Klieb li huma ta’ għajnuna mhux biss għall-adulti imma anke tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu

…Illum jitfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Klieb tal-Assistenza

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Li wieħed ikun sid ta’ annimal domestiku diġà għandu l-benefiċċji tiegħu imma li dak li jkun ikollu kelb jista’ jgħin sabiex itejjeb il-ħajja tiegħu f’ħafna modi. Dan hekk kif bosta huma dawk il-klieb li jagħtu xi tip ta’ assistenza, bħal jagħrfu meta n-nies ikollhom iz-zokkor għoli u li jkunu ta’ għajnuna għal persuni li huma neqsin mid-dawl.

Stqarr dan Joseph Stafrace, il-Viċi Ċerpersin tal-Fondazzjoni Service Dogs Malta, f’kummenti li ta lis-sit Talk.mt fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Klieb tal-Assistenza.

Stafrace qal li f’dan il-jum huwa ta’ min ifakkar li diversi l-klieb tal-assistenza mhumiex kwalunkwe iżda jeħtieġu diversi prattika. F’każ meta jkun hemm persuna li tbati bid-dijabete, permezz tat-taħriġ li jingħataw il-klieb, dawn ikunu jistgħu jindunaw meta persuna jkollha zokkor għoli jew baxx permezz tax-xamm.

Stafrace żied jgħid li l-enfasi ta’ din il-fondazzjoni hi li jingħata biżżejjed taħriġ lil klieb biex dawn eventwalment ikunu ta’ għajnuna għal persuni, mhux biss adulti iżda anke tfal li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu, li jeħtieġu twissija biex jiċċekkjaw il-livell taz-zokkor fid-demm u f’każijiet ta’ ipogliċemija.

Fir-rigward tat-terapija assistita mill-klieb, il-viċi president ta’ din il-fondazzjoni qal li din tista’ titqies bħal intervent terapewtiku li jinkorpora klieb fil-pjan ta’ trattament ta’ nies b’kundizzjonijiet mediċi, kwistjonijiet ta’ mġiba u persuni li qed jiġġieldu ma’ mard bħal dipressjoni, ansjetà, skizofrenija u vizzju.

Kien hawn fejn Stafrace irrimarka li l-istess fondazzjoni toffri sessjonijiet ta’ terapija fi grupp ma’ tfal li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu, kif ukoll ma’ tfal li għandhom kwistjonijiet sensorji, ta’ saħħa mentali u kwistjonijiet fiżiċi oħra li jibbenefikaw.

Il-Klieb tal-Fondazzjoni Nando u Ollie

Stafrace qal li s-sessjonijiet isiru minn terapisti kwalifikati u kelb tat-terapija ikun imħarreġ mill-Fondazzjoni. L-għanijiet tas-sessjonijiet huma li jtejbu l-ħiliet tat-tfal permezz tal-logħob, itejbu l-integrazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ bejn it-tfal u l-klieb u sabiex it-tfal jitgħallmu itejbu l-espressjoni u l-emozzjonijiet tagħhom mal-kelb.

Il-klieb li jingħataw it-taħriġ mingħand din il-fondazzjoni, minbarra t-taħriġ iħobbu wkoll jitfissdu u jinħabbu ma’ kulħadd. Huwa għalhekk li lil klieb ġieli joħorġuhom u jeħduhom f’diversi kumpaniji.

Permezz t’hekk, il-klieb jitgħallmu jintegraw ma’ nies differenti u l-persuni li jkunu fuq ix-xogħol ikunu jistgħu jagħmlu pawża mix-xogħol u jneħħu l-istress tagħhom billi jmellsu u jagħtu l-imħabba lill-klieb.

Minbarra li jżuru l-kumpaniji, din il-fondazzjoni toffri wkoll programmi ta’ terapija għall-klieb lir-residenti tad-djar tal-anzjani, ċentri tar-riżorsi, skejjel u organizzazzjonijiet oħra.

Sport