Daħal fil-Port il-Kbir il-USS NITZE, bastiment tan-navy Amerikan, tal-klassi Arleigh Burke b’ekwipaġġ ta’ aktar minn 300 uffiċjal u baħri. Tul iż-żjara tagħhom f’Malta, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ qegħdin igawdu minn ftit jiem ta’ mistrieħ u għandhom l-opportunità li jżuru t-teżori storiċi u kulturali ta’ Malta.
Dan is-sit kien mistieden biex iżur dan il-bastiment fejn ingħatajna aktar tagħrif dwar l-operat abbord u l-ħidma ta’ rutina ta’ kuljum. Dan il-bastiment huwa taħt il-kmand ta’ Katie Jacobson, li ilha f’din il-kariga ftit xhur biss u hija mill-ftit nisa li qed jassumu din il-kariga fil-militar Amerikan.

Il-Kmandant Jacobson, fissret il-qadi ta’ dmirijietha bħala Kmandant tal-USS NITZE u qalet li dejjem sabet il-koperazzjoni tal-ekwipaġġ kollu u b’hekk mhi qed tiffaċċja ebda xkiel fit-twettiq tal-ħidma tagħha. Hija sostniet ukoll li din kienet l-ewwel darba tagħha li żaret Malta u baqgħet impressjonata bis-sbuħija li joffru dawn il-gżejjer.

Sadanittant, l-Ambaxxatriċi Amerikana Constance J. Milstein qalet li “huwa ta’ pjaċir kbir li nagħti merħba l-USS NITZE u l-ekwipaġġ tiegħu f’Malta. Is-servizz tal-Kmandant Katie Jacobson b’mod partikolari jenfasizza l-kontribut bla qies tan-nisa fil-militar tal-Amerika, u aħna kuntenti li nospitawha f’Malta matul ix-Xahar tal-Istorja tan-Nisa.”

L-Ambaxxatriċi Milstein żiedet tgħid, “Iż-żjara tal-USS NITZE hija dimostrazzjoni viżwali tal-qawwa tas-sħubija bilaterali biex inżommu l-Mediterran sikur. Hija opportunità għall-Forzi Armati ta’ Malta u n-Navy tal-Istati Uniti biex jaqsmu l-kompetenza marittima tagħhom.”

Il-USS NITZE telaq mill-homeport tiegħu fis-17 ta’ Lulju 2022 għal għassa tas-sigurtà fil-Baħar Mediterran flimkien mal-GEORGE H W BUSH Carrier Strike Group. Huwa msemmi għall-eks Segretarju tan-Navy Paul Nitze.