Tuesday, January 21, 2025

Kollaborazzjoni bejn żewġ entitajiet governattivi se twassal biex jitneħħa l-periklu mill-Batterija tal-Qolla l-Bajda fil-Qbajjar, f’Għawdex

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u Heritage Malta biex tibda l-ħidma meħtieġa biex jitneħħa l-periklu mill-Batterija tal-Qolla l-Bajda fil-Qbajjar, Għawdex.

Il-ftehim iffirmat miż-żewġ entitajiet jipprovdi lil Heritage Malta biex b’mod immedjat talloka perit bil-għan li jsiru l-applikazzjonijiet kollha meħtieġa mal-Awtorità tal-Ippjanar biex jiġi indirizzat il-periklu preżenti. L-Awtorità tal-Artijiet, min-naħa tagħha, ser tkun qed tippubblika t-tenders u tikseb is-servizzi li hemm bżonn biex isiru x-xogħlijiet. Wara din il-fażi, se jitkomplew diskussjonijiet biex jiġu stabbiliti x-xogħlijiet kollha li hemm bżonn fil-batterija b’deċiżjoni xprunata mill-obbligu lejn rispett u konservazzjoni tal-patrimonju kulturali.

Din il-batterija taf l-oriġini tagħha għall-bidu tas-seklu tmintax u kienet waħda minn sensiela ta’ fortifikazzjonijiet li nbnew mill-Kavallieri ta’ San Ġwann. Il-Batterija tal-Qolla l-Bajda hija l-aħħar waħda tax-xorta tagħha li għad fadal f’Għawdex. Il-batterija kienet ġiet abbandunata mill-Forzi Ingliżi fis-seklu dsatax.

Il-Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali fl-aħħar xhur kien f’kuntatt mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali biex setgħu jibdew taħdidiet bejn l-Awtorità tal-Artijiet, li fl-amministrazzjoni tagħha jinsab dan is-sit u Heritage Malta dwar il-futur ta’ din il-batterija u dawn it-taħdidiet waslu għall-Memorandum ta’ Ftehim li ġie ffirmat bejn iż-żewġ entitajiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport