Saturday, December 21, 2024

“Kollox kontrina u ġibna d-doppju tal-fondi mill-UE” – Il-PM Robert Abela

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela iddikjara fil-Parlament li għalkemm il-Gvern kellu kollox kontrih irnexxielu jġib id-doppju tal-fondi mill-UE meta l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kellu kollox favurih u ġab in-nofs tal-fondi.

Huwa stqarr dan waqt li kien qed jagħmel stqarrija ministerjali b’rabta mal-aħħar summit tal-UE li ra lil Malta tieħu €2.25 biljun f’fondi għall-perjodu 2021-2027.

Abela irrefera għall-kritika li saret mill-kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-ammont li se tieħu Malta u sostna li dawn lanqas qed jaqblu bejniethom ma’ dan.

Huwa għamilha ċara li Malta ma qablet mal-introduzzjoni tal-ebda taxxa ġdida f’dan il-ftehim u appella lill-Oppożizzjoni biex ma tippruvax toħloq allarm dwar dan.

Abela iddikjara li huwa jixtieq li Malta tagħti aktar fondi milli tieħu għax ikun ifisser li l-ekonomija tkun sejra tajjeb waqt li nsista li l-Gvern laħaq il-mira li jġib iktar fondi milli se jagħti anke jekk ma jinkludix il-fondi allokati għall-irkupru mill-impatt tal-Covid19.

Huwa irrefera għall-kwistjoni tas-saltna tad-dritt u waqt li semma kif dan kien kriterju kruċjali meta l-Gvern ġie biex jinnegozzja l-fondi nsista li l-passi li ħa fl-aħħar xhur kien rikonoxxut b’mod internazzjonali.

Il-Prim Ministru semma li fl-2018 il-Kummissjoni Ewropea kienet qed tgħid li ħaqna ammont li kien ifisser li l-pajjiż se jispiċċa b’€224 miljun f’bilanċ nett imma b’dak li għamel il-Gvern dan se jkun ta’ 1.3 biljun.

Abela temm id-dikjarazzjoni tiegħu billi esprima t-tama li matul il-ġimgħa d-dieħla l-Oppożizzjoni tappoġġja lill-Gvern fil-liġijiet li ressaq dwar is-saltna tad-dritt inkluż dak maqbul mal-Kummissjoni Venezja.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li huwa jilqa’ b’sodisfazzjon l-ammont tal-fondi li se tingħata Malta madankollu sostna li pajjiżna se jikkontribwixxi d-doppju milli għamlet fil-perjodu 2014-2020.

Huwa sostna li dan ifisser li meta jsiru l-kontijiet dwar dak li se ndaħħlu u dak li se noħorġu bejn l-2021 u l-2027 ma’ dak bejn l-2014 u l-2020 ifisser li nkunu bqajna fejn konna.

Ekonomija

Sport