Għada jibda uffiċjalment il-European Team Shield Championships 2026, kompetizzjoni prestiġjuża organizzata mill-European Golf Association (EGA), li se ssir fir-Royal Malta Golf Club.
Dan it-turnew, li twaqqaf fl-2015, jagħti opportunità lil pajjiżi Ewropej emerġenti fil-golf biex jikkompetu fuq livell internazzjonali filwaqt li jkompli jippromwovi l-iżvilupp tal-isport. Din is-sena se jipparteċipaw 18-il pajjiż, b’total ta’ 96 plejer flimkien mal-kowċis u d-delegati tagħhom, f’dak li huwa wieħed mill-akbar avvenimenti internazzjonali tal-golf li qatt ospitat Malta.
Malta se tkun rappreżentata kemm fil-kompetizzjoni tal-irġiel kif ukoll f’dik tan-nisa. It-tim tal-irġiel se jkun immexxi mill-captain Ruud Critien, li se jilgħab flimkien ma’ Andrew Borg, Oliver Davis u JJ Micallef Verlest, taħt il-gwida tal-kowċ Nicholas Zaher u l-assistent Andreas Schwab. It-tim tan-nisa jinkludi lil Eliana Buhagiar, Laya Cristina, Serena Falzon Sant Manduca u Filipps Schulze Doering, bil-captain Noah Gratil.
Il-programm jibda għada, it-Tlieta 28 ta’ Lulju, biċ-ċerimonja uffiċjali tal-ftuħ li se ssir għall-ħabta tas-6.00pm. L-għada, l-Erbgħa 29 ta’ Lulju, il-kompetizzjoni tiftaħ bl-Individual Stroke Play Round, filwaqt li bejn it-30 ta’ Lulju u l-1 ta’ Awwissu jintlagħbu r-rounds tal-Matchplay. It-turnew jagħlaq is-Sibt bl-għoti tal-premjijiet u ċ-ċerimonja tal-għeluq.
Il-President tal-Malta Golf Association, William Beck, sostna li dan huwa mument storiku għall-golf Malti, filwaqt li SportMalta enfasizzat li l-għażla ta’ Malta bħala pajjiż ospitanti tikkonferma r-reputazzjoni dejjem tikber tal-pajjiż fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi internazzjonali.
Minbarra l-valur sportiv tiegħu, il-kampjonat mistenni jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni ewlenija għat-turiżmu sportiv u jagħti spinta oħra lill-iżvilupp tal-golf lokali, b’attenzjoni internazzjonali fuq il-faċilitajiet tar-Royal Malta Golf Club u l-organizzazzjoni tal-avveniment.




