Fi stqarrija b’aġġornament, il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet intensivi wasslu biex aktar kmieni dalgħodu l-Pulizija arrestat fl-Imsida, Kolumbjan ta’ 43 sena.
Dan filwaqt li ġie arrestat raġel ieħor ta’ 39 sena mill-Portugall li nstab fejn joqgħod il-Kolumbjan. Filwaqt li mill-awtopsja rriżulta li fl-istonku tal-vittma kien hemm madwar 100 kapsula suspettata kokaina, l-identità għadha trid tiġi stabbilità.
Dwar dan il-każ il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet, waqt li l-Maġistrat Dr Ian Farrugia LL.D qiegħed imexxi inkjesta.
Aktar kmieni: Il-Pulizija tarresta raġel li huwa s-suspettat tal-qtil ta’ raġel li nstab imqatta’ f’bagalja
L-omiċidju li seħħ t-Tnejn filgħaxija f’Tas-Sliema u li hu l-uniku wieħed fl-istorja fejn il-ġisem tal-vittma tpoġġa f’bagalja u ntrema’ fil-baħar, ħa żvolta ġdida. Dan hekk kif l-Pulizija arrestat raġel li huwa suspettat .
F’dawn l-aħħar sigħat, komplew jintensifikaw l-investigazzjonijiet. Sadanittant, it-Tlieta li għadda saret ukoll l-awtopsja fuq il-fdalijiet tal-katavru fejn ġie rrapportat li l-vittma għandu bejn l-40 u l-50 sena. Mill-istess awtopsja rriżulta wkoll li r-raġel kien qed iġorr id-droga fl-istonku tiegħu.
L-inkjesta maġisterjali b’rabta ma’ dan il-każ qed titmexxa mill-Maġistrat Ian Farrugia filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.