Sunday, December 22, 2024

KOMPJAĊENTI?

Aqra wkoll

Tiġi mhux ma tiġix it-tentazzjoni li wieħed iqis bħalha kompjaċenti l-attitudni li qed tittieħed dwar il-qagħda ekonomika u attwali tal-pajjiż fl-isfond tal-inċertezzi li qed jiżdiedu madwarna. (Qed neskludi minn dan il-biki u theżżiż tas-snien li qed tagħmel l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li hu għal kollox esaġerat u ma jitwemminx.)

Il-punt hu li tassew, l-ekonomija Maltija rnexxielha sa issa mhux biss tibqa’ fil-wiċċ imma ssostni progress waqt li żżomm ir-rata tal-inflazzjoni fuq il-baxx. L-ispazju fiskali li l-gvern għad għandu biex iħaddem miżuri li jilqgħu għall-buffuri ġejjin minn barra hu aħjar minn ta’ ħafna oħrajn. 

Imma qed inkunu kompjaċenti wisq? L-ebda politiku – qaluli – ma jittieħed bis-serjetà jekk ma jemfasizzax dak li qed jirnexxielu jwettaq. Dan ma jkunx kompjaċenza. U veru li ġew reġistrati suċċessi mhux żgħar. 

Min-naħa l-oħra hemm l-ispiża soċjali u ambjentali li s-suċċessi jikkawżaw u hemm il-piżijiet li aktar żviluppi negattivi barra minn xtutna jistgħu jġibu magħhom. Trid tibqa’ tingħata attenzjoni sħiħa lejn dawn l-aspetti anke waqt li nsaħħu l-kuxjenza dwar fejn sejrin tajjeb.

IL-KITBA ŻVALUTATA?

Xi kultant iqum is-suspett li l-kelma miktuba m’għadhiex tqajjem l-interess li kienet tagħmel “qabel”. Il-Maltin dejjem kienu jaqra ftit… imma forsi anke din hi ħrafa. Malli l-edukazzjoni primarja nxterdet bis-serjetà, ix-xiri u l-qari ta’ gazzetti u rumanzi faxxikli kien sploda. U niftakar publikaturi jgħiduli fis-snin sebgħin u għall-bidu tas-snin tmenin tas-seklu l-ieħor, kif bit-twaqqif tal-fabriki li fetħu d-dinja tax-xogħol għal aktar u aktar persuni, mhux l-anqas in-nisa, il-bejgħ tar-rumanzi kien żdied sew.

Illum il-kitba donnha saret żvalutata. L-għajdut, is-slogans ripettitivi, il-viżiv spezzettat bħal ta’ youtube jew TikTok jiddominaw. Nemmen li diġà dir-revoluzzjoni tant marret ’il bogħod, li aktar malajr milli hu maħsub, “kontro-revoluzzjoni” għad terġa’ tistabillixxi l-popolarità u l-importanza tal-kelma miktuba.

SENS TAL-ISTORJA

Aħjar tkun taf x’ġara tul l-istorja tal-bniedem biex tagħraf sew kif jixxenxlu l-ġrajjiet. Dan ma jfissirx li dak li ġara sa issa, joffri xi ċertezza dwar kif se jissawwar il-futur. Hekk jgħidu wkoll notizzji li jinħarġu dwar l-investiment finanzjarji. Fl-ebda xmara ma tmidd saqajk dabtejn fl-istess post: xi ħaġa hekk qal filosfu Grieg antik, illum minsi. 

Allura xinhu s-sens tal-istorja? Għaliex għandna nqisuha? Jew l-istorja m’għandha l-ebda sens u l-ġrajjiet jiġru bla ebda fasla li tista’ tiġi mfissra wara jew imbassra minn qabel?  

Jidher li m’hawnx risposti sodisfaċenti għal dawn il-mistoqsijiet. Il-bniedem se jibqa’ jagħmel l-istess żbalji, jew żbalji li jixbhu bla ma huma tassew l-istess bħall-iżbalji li għamlu ta’ qablu?

Ekonomija

Sport