Monday, December 23, 2024

Konferenza internazzjonali f’Malta dwar perspettivi interġenerazzjonali

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar ir-Relazzjonijiet tal-Koppji u l-Familja (ICCFR) qed ittella’ l-Konferenza Annwali f’pajjiżna, bit-tema “Perspettivi Interġenerazzjonali fil-Familji – Sfidi u Opportunitajiet”. Konferenza illi qed isservi t’opportunità sabiex professjonisti ewlenin minn madwar id-dinja jesploraw flimkien kwistjonijiet kritiċi li jaffettwaw il-familji u l-komunitajiet.

Appoġġjata minn Positive Parenting Malta u l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, il-konferenza ta’ din is-sena ffokat fuq it-trawwim ta’ ftehim aktar profond tal-interazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan il-familji.

Il-konferenza ta’ din is-sena kompliet it-tradizzjoni li tipprovdi lill-parteċipanti b’opportunità li jagħmlu network ma’ professjonisti minn oqsma differenti, b’diskussjonijiet dwar kif l-aħjar jiġi promoss il-benesseri tal-familja f’dinja li dejjem qed tinbidel.

Matul it-tlett ijiem ta’ din il-konferenza ġew diskussi diversi suġġetti bħal, Trawma Interġenerazzjonali, Impenn Interġenerazzjonali għar-Reżiljenza u Mitigazzjoni għat-Tibdil fil-Klima u stili differenti ta’ ġenituri fil-ġenerazzjonijiet differenti, fost suġġetti oħra.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal, “Qed naħdmu sabiex ikollna strutturi soċjali b’saħħithom lesti sabiex jagħtu sapport lil kull min qiegħed f’sitwazzjoni diffiċli. B’hekk nevitaw li ċerti problemi jkomplu jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Fl-intervent tagħha, iċ-Chairperson ta’ Positive Parenting Malta, Ruth Sciberras, stqarret li kien ta’ unur li Malta qed tospita avveniment daqshekk prestiġjuż. “Bħala Positive Parenting Malta l-għan tagħna hu li jkollna għarfien wiesa’ dwar id-diversi kwistjonijiet li qed tiffaċċja d-dinja sabiex nipprovdu l-aqwa tip ta’ taħriġ lill-familji u lill-professjonisti Maltin.”

Ekonomija

Sport