“Kellna konferma oħra tal-impenn ta’ din l-amministrazzjoni li tkompli timmodernizza lil dan il-pajjiż mhux l-inqas fil-qasam tal-governanza tajba kif ukoll fil-ħidma tal-istituzzjonijiet. Konferma oħra ta’ Gvern riformista, impenjat li jwettaq dak li jwiegħed.”
Stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza stampa li indirizz l-Ġimgha filgħaxija f’Kastilja wara li tħabbar b’mod uffiċjali li Malta tneħħiet mil-lista l-griża tal-FATF.
Id-deċiżjoni tal-FATF tgħid li pajjiżna wettaq il-pjan ta’ azzjoni li kien maqbul f’Ġunju tal-2021 u dan il-pjan ġie implimentat fi 12-il xahar biss. “Din hi l-akbar xhieda ta’ kif ir-riformi f’dan is-settur, fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, kienu diġà bdew u sar hekk għaliex dawn huma riformi li tassew nemmnu fihom,” qal il-Prim Ministru.
Huwa nnota li dan il-proċess kien sfida li nbidel fi prova oħra ta’ kemm pajjiżna huwa ġurisdizzjoni reputabbli u serja. Qal ukoll li jinsab infurmat li waqt il-proċess tal-plenarja li nżammet din il-ġimgħa, il-każ ta’ Malta kien deskritt bħala “storja ta’ suċċess.”
Il-Prim Ministru kompla jispjega li s-sena li għaddiet, l-FATF identifikat żewġ setturi prinċipali għal dan il-pjan ta’ azzjoni – waħda minnhom b’rabta mal-mod kif nikkontrollaw u nikkumbattu l-evażjoni tat-taxxa u l-oħra dwar il-ħtieġa ta’ aktar trasparenza b’rabta ma’ entitajiet legali u tagħrif dwar is-sidien benefiċjarji ta’ kumpaniji.
“Sena ilu għedt li konna impenjati b’serjetà li nwettqu dawn ir-riformi u li aktar minn hekk konna deħlin f’perjodu li r-riformi li għamilna minn Jannar 2020 kienu effettivi iżda kienu wkoll sostenibbli. Fuq kollox dawn ir-riformi kienu jwasslu għal bidla kulturali ta’ pajjiż determinat li jilħaq standards ġodda.”
“Ir-rakkomandazzjonijiet kienu indirizzati fi żmien rekord”
Il-Prim Ministru fakkar li kien hemm min qal li ma messna qatt kellna rapport negattiv tal-Moneyval u s-sussegwenti tqegħid ta’ pajjiżna fil-grey list. Qal li huwa kien wieħed minnhom.
Kin għalhekk li qal li meta ngħata l-fiduċja bħala Prim Ministru f’Jannar tal-2020 u sab rapporti tal-Moneyval negattivi ta direzzjoni ċara li dawn ir-rapporti kellhom ikunu indirizzati.
“Għamilna dawn ir-riformi mhux għax qalilna xi ħadd hekk minn barra imma għax konna konvinti mill-ħtieġa tagħhom anke bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea. Konna konvinti għax nafu x’pajjiż irridu nħallu lil uliedna.
“Fil-fatt dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu mhux biss indirizzati imma indirizzati fi żmien rekord. Il-proċess li għaddejna mal-FATF kien l-aħħar proċess li ngħalaq illum u issa għandna dan it-timbru ta’ konferma ta’ kemm għandna ġurisdizzjoni serja, b’saħħitha li mhux biss wettqet ir-riformi imma se tibqa’ tkun ġurisdizzjoni attraenti għall-investituri kollha,” tenna l-Prim Ministru.
“Bħala PM wegħedt li rrid nara li pajjiżna jikber u jwettaq ir-riformi. Fl-aħħar 30 xahar implimentajna bidliet bla preċedent li se nkomplu nibnu fuqhom. Se nkomplu r-riformi b’mod sostenibbli.
“Għamilna u se nibqgħu nagħmlu sforzi sinjifikanti biex indaħħlu kultura ta’ impenn u aktar għarfien sabiex niġġieldu b’mod partikolari kontra l-kriminalità ta’ ċertu portata, kontra l-kriminalità organizzata u se nibqgħu naċċennaw fuq il-kwistjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.”
Il-Gvern se jkompli jinvesti fl-awtoritajiet
Il-Prim Ministru żied jgħid li l-bidliet li saru fl-aħħar snin ma kinux ikunu possibbli mingħajr ħidma dedikata ta’ ħafna istituzzjonijiet f’pajjiżna. Hawn għamel referenza għall-FIAU, il-Korp tal-Pulizija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ir-Reġistru Malti tan-Negozju, l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni, u l-Awtorità Maltija dwar il-Logħob (MGA) fost oħrajn.
“Għandi fiduċja sħiħa fihom. Sens ta’ rikonoxximent lejn il-ħafna ħidma li huma wettqu. Din kienet ħidma konġunta fejn kull waħda mill-istituzzjonijiet implimentat il-pjani komprensivi tagħha u għamlu ċert li jkun hemm aproċċ koerenti, kordinat u effettiv tul il-proċess kollu. Dan kien kruċjali bex naslu għall-għanijiet tagħna,” qal il-Prim Ministru.
Qal li l-Gvern se jkompli jinvesti fl-awtoritajiet u r-riżultat li kisbet Malta huwa konferma oħra tal-ħila, l-integrità kif ukoll is-serjetà tagħhom. Qal li dan kien proċess fejn matulu nżamm djalogu kontinwu ma’ pajjiżi oħra u llum mhux biss ninsabu impenjati bil-ħidma tagħna imma wkoll naqsmu l-għarfien tekniku li ksibna mal-kontropartijiet barranin.
Enfasizza li: “nemmen li r-riżultat tal-lum xhieda oħra ta’ kif meta naħdmu bħala Tim Malta nistgħu niksbu riżultati li huma importanti anke fil-fora internazzjonali. Tul il-proċess żammejna diskussjonijiet ma’ stakeholders ewlenin, inkluż l-imsieħba soċjali li kontinwament aġġornajniehom u sibna koperazzjoni u kordinazzjoni sħiħa min-naħa tagħhom.”
Il-PM qal ukoll li l-ħidma biex jiġu indirizzati dawn ir-rakkomandazzjonijiet saret f’kuntest ta’ pandemija u wara li din bdiet tbatti bdiet il-gwerra fl-Ukrajna. Qal iżda li komplejna niksbu aktar riżultati, li ksibnihom għaliex fl-ebda ħin qatt ma qtajna l-fiduċja f’pajjiżna.
“Dan pajjiż li konvint li għandu futur sabiħ, illum aktar minn qatt qabel. Dan hu pajjiż fejn tista’ taħdem, tinvesti u fejn se tibqa’ ssib ħafna appoġġ sabiex tibqa’ taħdem u tinvesti.
“L-enfasi kienet fuq sistemi robusti li jiirreżistu u jiġġieldu l-kriminalità b’ebda witch-hunt fuq negozji leġittimi.
“Il-valur miżjud fil-qasam tas-sevizzi finanzjarji fl-ewwel kwart tas-sena kien l-ogħla wieħed li qatt kien irreġistrat, 4% aktar milli kiemn is-sena li għaddiet. Is-settur tal-gaming jinsab fl-ogħla livell dak ta’ 9% iktar mis-sena li għaddiet.”
“Qatt iktar pajjiżna m’għandu jerġa’ jispiċċa f’lista bħal din”
Il-Prim Ministru sostna li issa rridu nħarsu ‘l quddiem u li l-għan tal-Gvern huwa li jassigura s-sostenibbiltà tal-miżuri li diġà ġew implimentati. Huwa kien ċar fi kliemu meta qal li “qatt iktar pajjiżna m’għandu jerġa’ jispiċċa f’lista bħal din”.
Tenna li fiz-żmien li ġej se naraw li jinħolqu aktar opportunitajiet biex il-privat ikun jista’ jinvesti anke f’sinerġija mal-Gvern u jinvesti flusu biex joħloq investiment u xogħol ta’ kwalità.
Dr Abela temm jgħid il hemm oqsma fejn iridu naħdmu iżjed sabiex fl-aħħar mill-aħħar ikollna pajjiż aħjar li verament jixraq lil uliedna u lilna.