Wednesday, March 27, 2024

220 persuna b’diżabilità jibbenefikaw mill-proġett INK b’investiment ta’ €2.1 miljun

Aqra wkoll

1,100 persuna, li 220 minnhom huma persuni b’diżabilità, ibbenefikaw mill-proġett INK li kien tnieda fis-sena 2018 b’investiment ta’ aktar minn €2.1 miljuni b’ko-finanzjament mill-fondi Ewropej.

Mill-proġett INK ibbenefikaw 223 professjonist li jaħdmu b’mod dirett ma’ persuni b’diżabilità, 133 ġenitur u 524 impjegat. Mill-persuni b’diżabilità li pparteċipaw fil-proġett kien hemm 114 li lestew ukoll l-esperjenza tax-xogħol (job placement), li 51 minnhom, wara t-taħriġ u l-esperjenza ta’ xogħol bħala parti mill-proġett, ingħataw xogħol fiss.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li l-okkażjoni tal-lum hija tmiem ta’ proġett, iżda hija wkoll il-bidu ta’ ħajja ta’ suċċess għal mijiet ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol. Il-ministru fakkret li bis-saħħa tal-ħidma kontinwa tal-gvern, fl-aħħar ħames snin in-numru ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol żdied b’25%.

Il-ministru tkellmet ukoll dwar kif il-proġett INK ma waqafx kienx ta’ benefiċċju għall-persuni b’diżabilità biss, iżda offra wkoll servizzi ta’ taħriġ lill-familjari ta’ persuni b’diżabilità, lil min iħaddem, u lill-professjonisti li jaħdmu b’mod dirett ma’ persuni b’diżabilità. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dawn iċ-ċifri sbieħ mhumiex id-destinazzjoni finali. “Għandna l-istess enerġija biex naraw aktar persuni b’diżabilità  jingħataw it-taħriġ neċessarju biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett spjega li permezz tal-proġett INK, b’investiment totali ta’ €2,153,321 mill-Fond Soċjali Ewropew, ibbenefikaw madwar 1,100 persuna f’Malta u Għawdex. “Huwa ta’ sodisfazzjoni kbir meta tara proġetti bħal dawn li wettaqnihom b’fondi Ewropej u li tejbu  ħajjet iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u saħansitra wasslu biex inħolqu opportunitajiet ġodda għall-persuni b’diżabilità”, qal is-segretarju parlamentari.

Huwa żied jgħid li dan il-proġett mhux biss ippromwova aktar l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà imma anke ppreparahom sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol hekk kif il-gvern dejjem kellu r-rieda li persuni b’dizabilità jgħixu ħajja indipendenti u jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Oliver Scicluna, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, awgura lill-parteċipanti għas-suċċess miksub kif ukoll għall-impenn tagħhom biex b’mod attiv jinvolvu ruħhom fid-dinja tax-xogħol. Huwa saħaq li ħidmet l-aġenzija mhux se tieqaf mat-tmiem ta’ dan il-proġett iżda se tkompli tindirizza dan il-bżonn biex twassal servizzi li jduru mal-bżonn tal-individwu u li b’mod prattiku twassal għal taħriġ u impjieg. Dan għax temmen li x-xogħol huwa strumentali biex tingħata dinjità lill-persuna filwaqt li jkunu qegħdin jitħarsulha d-drittijiet tagħha.

Il-proġett kien implimentat mid-Dipartiment tal-Amministrazzjoni u Proġetti tal-Unjoni Ewropea fi ħdan Aġenzija Sapport. L-imsieħba tal-proġett kienu l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità kif ukoll l-organizzazzjoni Irlandiza KARE.

Ekonomija

Sport