Id-Depiro Sports Club implementa numru ta’ inizjattivi bħala parti mill-proġett “Safe Sport” iffinanzjat mill-Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS) tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat. Dan inkluda xogħol infrastrutturali, riżorsi, taħriġ u outreach li lkoll ikkontribwew lejn ambjent sportiv aktar sigur.
Ir-riżultati ta’ dan il-finanzjament ġew murija lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli waqt żjara li hija għamlet għand id-Depiro Sports Club fl-Imtarfa. Il-ministru kienet akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo.
Il-klabb installa żewġ AEDs (Automated Extrnal Defibrillator) u investa wkoll f’First Aid kits mgħammra għall-attivitajiet sportivi u edukattivi differenti kollha li jseħħu fil-klabb. Dawn iż-żewġ riżorsi huma aċċessibbli għall-membri kollha tal-komunità, u mhux biss għal dawk li jattendu d-Depiro Sports Club. Sar ukoll kors tal-ewwel għajnuna, li kien miftuħ għal diversi entitajiet u għaqdiet, u sar ukoll kors ieħor aktar speċjalizzat fuq l-inklużjoni u d-diversità. Dan it-taħriġ iffoka fuq in-newrodiversità, l-imġieba, komunikazzjoni effettiva u l-ħolqien ta’ ambjenti inklużivi fost l-oħrajn. Staff tal-klabb ipparteċipa wkoll f’taħriġ dwar l-inklussività.
Sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà, il-proġett “Safe Sport” inkluda wkoll il-kitba u t-tnedija ta’ Safe Sport Policy. Din iffukat kemm fuq ir-responsabbiltajiet lejn l-istudenti, iż-żamma ta’ relazzjoni professjonali mal-atleti, ir-rispett tad-differenzi u l-individwalità tal-istudenti, l-integrità sportiva, il-kollaborazzjoni bejn l-istakeholders u l-għarfien u l-benesseri professjonali fis-settur. Dan id-dokument għandu jgħin sabiex l-esperjenza tal-atleti mad-Depiro Sports Club tkun waħda tajba u li toħloq kultura ta’ professjonali. Dan id-dokument se jkun ukoll maqsum ma’ entitajiet oħra għal min jixtieq linji gwida ta’ prattiċi tajba fis-settur.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fissret is-sodisfazzjon tagħha għal dan il-proġett li mhux biss se jsaħħaħ ir-Rabat Depiro Sports Club imma l-komunità inġenerali. “Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif minn dawn it-tip ta’ proġetti jista’ jgawdu kulħadd, anke l-kumplament tal-komunità. Se nkomplu ninvestu fit-tisħiħ u l-ħolqien ta’ aktar skemi u għajnuniet li jgħinu l-għaqdiet volontarji jinvestu mhux biss fl-operat tagħhom, iżda li jkunu f’pożizzjoni aħjar li jimpattaw b’mod tajjeb lil dawk ta’ madwarhom,” temmet tgħid il-ministru.
Il-Kap Eżekuttiv tad-Depiro Sports Club Ruben Baldacchino stqarr li “Dan il-proġett għenna nimxu żewġ passi ’l quddiem fil-ħolqien ta’ ambjent aktar sigur għall-parteċipanti u l-istaff kollu fil-Depiro Sports Club. Il-ħolqien ta’ policy, taħriġ tal-istaff u investiment f’riżorsi biex jinħoloq ambjent inklussiv kienu tragward importanti għall-organizzazzjoni tagħna. Il-proġett kellu l-għan li joħloq ambjent li jiffoka fuq l-aspett fiżiku imma jintegra wkoll l-aspetti soċjali, emozzjonali u mentali wkoll. Irridu napprezzaw illi fil-ħajja tal-lum huwa importanti li jkun hemm sistemi olistiċi għall-formazzjoni tal-atleti żgħażagħ.”
F’kumment waqt l-attività, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandalo, innota kemm iħallu ġid il-proġetti li mhux biss isiru u jispiċċaw meta jiġi konkluż il-proġett, imma li jistgħu jiġu rreplikati u wżati minn għaqdiet oħra.
“B’hekk ix-xogħol li jkun sar minn għaqda jkun jista’ jiġi addattat minn oħrajn, f’dan il-każ sportivi, ħalli jitwaqqfu policies simili li bihom dawn il-klabbs isiru aktar professjonali, inklussivi u fl-aħħar mill-aħħar aktar siguri għall-atleti u l-voluntiera kollha li jipparteċipaw bi ħġarhom.”