Konkluża l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Riforma tal-Appelli fl-Ippjanar

Aqra wkoll

Fl-ewwel ftit xhur ta’ Gvern ġdid ġie uffiċjalment konkluż il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-appelli fl-ippjanar.

Matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni, il-Ministeru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol irċieva numru ta’ sottomissjonijiet u osservazzjonijiet mingħand ċittadini, għaqdiet, professjonisti, stakeholders u entitajiet interessati, li taw il-kontribut tagħhom dwar il-qafas leġiżlattiv propost.

Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard qal li l-konsultazzjoni kienet parti essenzjali minn proċess li għandu jwassal għal sistema aktar ġusta, trasparenti u effettiva għall-appelli fl-ippjanar.

“Issa li l-konsultazzjoni pubblika għalqet nixtieq nirringrazzja lil kull min ipparteċipa b’mod kostruttiv. Dan huwa suġġett li jolqot direttament lill-komunitajiet tagħna, il-kwalità tal-ħajja tan-nies u l-fiduċja fis-sistema tal-ippjanar. Għalhekk kien importanti li nisimgħu l-opinjonijiet u l-proposti kollha qabel nimxu għall-fażi li jmiss,” qal il-Ministru Attard.

Ir-riforma proposta hija mibnija fuq tliet pilastri ewlenin: is-sospensjoni awtomatika ta’ permessi relevanti meta jiġi ppreżentat appell, termini ċari biex il-każijiet jiġu deċiżi f’waqthom, u aktar diġitalizzazzjoni u għodod amministrattivi biex jissaħħaħ ix-xogħol tat-Tribunal tal-Appelli dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Il-Ministru Attard sostna li l-għan ewlieni tar-riforma huwa li tindirizza sitwazzjoni li ilha tinħass fis-sistema għal snin twal, fejn minkejja li l-liġi tipprovdi dritt ta’ appell, f’ċerti każijiet il-permess ikun diġà ġie implimentat qabel ma jintemm il-proċess ta’ appell.

“Mhux biżżejjed li d-dritt ta’ appell jeżisti fil-liġi jekk ma jkunx jista’ jipproduċi effett reali fil-prattika. Din mhijiex riforma favur jew kontra l-iżvilupp. Hija riforma favur il-ġustizzja, il-bilanċ u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet. Qed noħolqu sistema fejn id-drittijiet tal-appellanti jiġu mħarsa, filwaqt li nibqgħu niggarantixxu ċertezza legali u prevedibbiltà għal min ikun kiseb permess b’mod regolari,” qal il-Ministru.

Il-proposti jinkludu wkoll sistemi aktar moderni ta’ notifika elettronika, titjib fir-reġistri diġitali, koordinazzjoni aktar b’saħħitha bejn it-Tribunal, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Qrati, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ assistenza amministrattiva dedikata għat-Tribunal sabiex il-każijiet jiġu amministrati b’mod aktar effiċjenti u mingħajr dewmien bla bżonn.

Il-Ministru Attard qal li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed issir evalwazzjoni dettaljata tal-kontributi li waslu matul il-konsultazzjoni sabiex, fejn ikun xieraq, dawn jiġu riflessi fil-verżjoni finali tar-riforma.

“Irridu sistema aktar ġusta, aktar trasparenti u aktar kredibbli, fejn l-appell mhux biss jeżisti fil-liġi iżda jkun kapaċi jipproduċi rimedju reali. Din hija riforma favur il-governanza tajba u favur aktar fiduċja fis-sistema tal-ippjanar,” temm jgħid il-Ministru Attard.

Il-Gvern issa se jkompli bil-ħidma meħtieġa biex ir-riforma tavvanza fil-proċess parlamentari, bil-għan li jitwettaq l-impenn favur sistema tal-ippjanar aktar effettiva, bilanċjata u ġusta.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport