“Konna furtunati li rnexxielna noħorġu mill-ferrovija. Persuni li kienu f’vaguni oħra mhux kollha rnexxielhom isalvaw,” fissret persuna li ħelisitha mill-mewt wara li kienet passiġġiera fuq ferrovija li kienet involuta fl-inċident tal-bieraħ tal-Greċja.
Dan l-inċident huwa meqjus bħala l-agħar inċident li qatt seħħ fil-Greċja f’dik li hi ħabta bejn il-ferroviji.
Ġurnalista Griega, Alexia Kalaitzi, qalet mal-BBC li appena l-ewwel żewġ vaguni ħadu n-nar u nxtered id-duħħan ma’ kullimkien, il-passiġġieri nħakmu minn biża’ kbira tant li bdew iwerżqu bil-paniku.
Kalaitzi kienet preżenti fuq il-post biex tilqa’ lin-nies li salvaw minn dan l-inċident fejn intervistat numru ta’ individwi, fil-maġġorparti tagħhom studenti. “L-iktar parti diffiċli kienet meta bdejt nara ġenituri jistennew lil uliedhom fl-istazzjon tal-ferrovija u ma bdewx isibuhom hemm”. Dan hekk kif il-ferrovija tal-passiġġieri kienet tikkonsisti f’ammont konsiderevoli ta’ studenti li kienu ġejjin lura minn vaganza.
L-istess ġurnalista kompliet tispjega li f’kummenti oħra li ngħatat min-nies li kienu passiġġieri fuq il-ferrovija qalulha li kellhom jifqgħu t-twieqi bil-bagalji tagħhom biex ikunu jistgħu joħorġu mill-ferrovija.