Sunday, December 22, 2024

Konrad Mizzi se jerġa’ jintalab biex jidher quddiem il-PAC

Aqra wkoll

Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, li huwa ċ-Ċermen tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, informa lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti illi d-Deputat Konrad Mizzi ma attendiex għal-laqgħa tal-Kumitat li ssejħet illum tal-Kumitat fejn huwa kellu jixhed.

Huwa qal li ġie infurmat li l-Onor. Mizzi ma kienx se jattendi aktar kmieni dalgħodu. Huwa żied jgħid illi fil-laqgħa tal-Kumitat li saret illum waranofsinhar, kien hemm qbil bejn il-membri tal-Kumitat biex Konrad Mizzi jerġa’ jissejjaħ biex jixhed fis-seduta li jmiss.

Intant, aktar qabel, Konrad Mizzi permezz ta’ kitba fuq Facebook qal li huwa għażel li ma jipparteċipax fil-laqgħa tal-Kumitat li “huwa mmexxi mill-Partit Nazzjonalista dwar il-proġett tal-ElectroGas.” 

Mizzi qal ukoll li: “dan l-eżerċizzju mhu xejn ħlief attakk partiġġjan fuq il-proġett għal qalba minn enerġija li tħammeġ ibbażata fuq Heavy Fuel Oil għal energija ibbażata fuq gass u sorsi rinnovabli, proġett li ġab tant benefiċċji lill-poplu Malti u Għawdxi, kif ukoll lill-ekonomija ta’ pajjiżna. Il-benefiċċji jinkludu fost l-orħos tariffi tal-elettriku fl-Ewropa, in-nuqqas fl-emissjonijiet, l-għeluq tal-Power Station tal-Marsa, il-fatt li salvajna l-Enemalta u li tajna spinta lill-ekonomija ta’ pajjiżna.”

Huwa temm jisħaq li jqis is-sejħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi bħala “xejn għajr eżerċizzju politiku partiġġjan imbuttat mill-Partit Nazzjonalista.”

Ekonomija

Sport