Friday, December 13, 2024

Konsultazzjoni pubblika fuq linji gwida favur it-tħawwil tas-siġar

Aqra wkoll

Tnediet konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz ta’ ‘Linji Gwida għal Prattiċi Tajba ta’ Tħawwil ta’ Siġar u Arbuxelli fil-Gżejjer Maltin’ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, fil-preżenza tal-aġent Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca.

Il-Ministru spjega li dawn il-linji gwida għandhom l-għan li jipprovdu gwida ġenerali għal proġetti ta’ tħawwil ta’ siġar u arbuxelli fl-ambjent urban kif ukoll dak rurali, u li jħarsu lejn l-afforestazzjoni minn perspettiva ħolistika bil-mira finali li jiġi żgurat is-suċċess ta’ dawn l-inizjattivi. Dan l-abbozz ta’ linji gwida jenfasizza l-proċess sħiħ ta’ kif proġett ta’ tħawwil għandu jiġi indirizzat mit-tfassil tal-kunċett sal-implimentazzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli ta’ siti bħal dawn.

Il-Ministru Farrugia saħaq fuq l-importanza li mhux biss jiġu implimentati proġetti ta’ tħaddir, iżda li dawn jinżammu sew. “Dawn il-proġetti ta’ afforestazzjoni u ż-żamma tagħhom se jsaħħu l-ambjent u joħolqu aktar spazji għal rikreazzjoni, li se jkunu ta’ benefiċċju għall-pubbliku. Dan id-dokument se jipprovdi gwida u indikaturi prattiċi, rakkomandazzjonijiet, u lista ta’ kodiċi ġenerali ta’ prattika tajba li jippermettu tħawwil ta’ siġar u arbuxelli b’suċċess f’żoni bħal art vojta, riforestazzjoni ta’ żoni li qabel kienu koperti bis-siġar u restawr tal-abitat li se jgħin fl-irkupru tal-ekosistema,” qal il-Ministru Farrugia. 

L-għanijiet ewlenin tal-linji gwida huma li:

  • Jippromwovu prattiċi ta’ afforestazzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u li huma ekoloġikament sostenibbli;
  • Jinkoraġġixxu t-tħaddir u l-inċentivi ta’ restawr ekoloġiku f’żoni differenti bl-użu ta’ speċi xierqa;
  • Jiġu stabbiliti standards komuni ta’ prattiċi tajba ta’ tħawwil, f’konformità mal-leġiżlazzjoni u policies oħrajn;
  • Jinkoraġġixxu l-ownership u l-manutenzjoni fit-tul tal-proġetti ta’ afforestazzjoni;
  • Jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tas-Siġar u l-Imsaġar u l-Pjan ta’ Azzjoni 2022-2030; u
  • Jappoġġjaw l-impenn u l-isforzi ta’ Malta fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għaliha.

Il-pubbliku ġenerali u l-partijiet interessati huma mistiedna jieħdu nota tal-abbozz tal-linji gwida u jipprovdu l-ħsibijiet tagħhom dwar il-kontenut tiegħu fuq [email protected], sa mhux aktar tard mid-29 ta’ Marzu 2022. Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq dan il-link: https://era.org.mt/consultation-on-legislation-and-policy/

Ekonomija

Sport