Tuesday, May 14, 2024

PL: Ma’ Grech ma tafx fejn qiegħed u dik hija l-garanzija li jeħodna lura u mhux ‘il quddiem

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-Partit Laburista indirizzata mill-Ministru Owen Bonnici u l-kandidata Rebecca Buttigieg intqal kif huwa ċar li l-PN huwa l-partit li se jeħodna lura u huwa biss il-PL li jista’ jeħodna ‘l quddiem.

Il-Ministru Bonnici qal li d-drittijiet ċivili jinkisbu wara ħidma ma taqta’ xejn u wara deċiżjonijiet ħafna drabi kuraġġużi, deċiżjonijiet li ma jħarsux lejn il-popolarità imma jħarsu lejn dak li huwa sewwa fil-konfront tal-minoranzi f’pajjiżna.

Fakkar kif inqas minn xahrejn ilu approvaw liġi mill-Parlament li daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Diċembru li għandha l-għan li tagħmel riforma fejn jidħol l-użu responsabbli tal-kannabis. 

Qal li bis-saħħa ta’ din ir-riforma li saħansitra ġiet imfaħħra fuq livell internazzjonali, raw li persuni li jagħmlu użu responsabbli mill-kannabis ma jibqgħux jiġu meqjusa daqslikieku huma kriminali u fl-istess waqt tfassal qafas biex il-kannabis għall-użu personali tinkiseb b’mod sigur u regolizzat taħt il-kontroll ta’ Awtorità ġdida.

Qal li Bernard Grech, jekk ikun elett Prim Ministru, se jħott u jżarma din il-liġi. Aċċenna għall-fatt li meta ġie mistoqsi jekk hux se jkun lest li jżomm il-liġi f’każ li jkun Prim Ministru, il-Ministru Bonnici qal li Grech rabat din il-liġi l-ġdida ma “ħsara li trid tiġi rikonoxxuta u indirizzata” u ġġustifika din il-pożizzjoni billi qal li l-PN irid ikun sod mat-tewmmin “ma dak li għedna… għax din hija xi ħaġa li se tagħmel il-ħsara.”

Il-Ministru Bonnici qal li fi kliem ieħor ir-riformi kbar u b’saħħithom li wettqu f’din il-liġi jrid iħassarhom u jreġġa’ l-arloġġ lura. 

“Il-PN ma jemminx f’din ir-riforma anzi jemmen li din ir-riforma hija ta’ ħsara. Irrid infakkar li fejn tidħol ir-riforma tal-kannabis Grech biddel il-pożizzjoni tiegħu tmien darbiet sħaħ u jekk tgħodd din l-aħħar pożizzjoni jiġu disa’ darbiet,” qal il-Ministru Bonnici. 

“Huwa ċar li l-PN huwa l-partit li se jeħodna lura waqt li huwa biss il-PL li jista’ jeħodna ‘l quddiem. Aħna l-liġi se nħalluha u se naraw li nagħtu riżorsi kollha lill-Awtorità biex twettaq dak li huwa mistenni minnha. Din hija d-differenza bejn iż-żewġ partiti: Grech li jżarma r-riformi li aħna wettaqna u Abela li jimplimenta l-bidliet li l-pajjiż għandu bżonn u jiħodna lejn il-futur,” qal il-Ministru Bonnici.

Fl-indirizz tagħha, il-kandidata Laburista Rebecca Buttigieg qalet li dan huwa eżempju ieħor ta’ kif il-PN jiħodna lura u mhux il-quddiem. “Fl-aħħar snin sibna PN maqsum kull meta ddiskutejna riformi tad-drittijiet ġodda, tad-drittijiet ċivili u dan inkluż taħt it-tmexxija ta’ Grech stess. Infakkar kif il-PN mhux talli għadu bl-istess nies talli għadu bl-istess ħsieb. Taħt it-tmexxija ta’ Grech stess, ftit tax-xhur ilu, meta ġejna biex nemendaw il-liġi tad-divorzju, ħadu ħsieb li ma jitkellem kważi ħadd u għaliex, sabiex ma tkunx aktar evidenti il-qasma fi ħdan il-PN dwar is-suġġett. Għalhekk dwar id-drittijiet ċivili, partit ta’ konvenjenza u mhux konvinzjoni.”

Temmet tgħid: “Meta tara fuq is-suġġet bħalma hija l-liġi tal-kannabis il-Kap tal-Oppożizzjoni ħa tant pożizzjonijiet differenti li tikkonkludi b’mod mill-iktar ċar li miegħu ma tafx fejn qiegħed u dik hija l-garanzija li jeħodna lura u mhux ‘il quddiem. Aħna dejjem nimxu bi pjan u dak il-pjan immexxuh il-quddiem għax aħna l-futur. Aħna l-Partit tar-riformi.”

Sport