Friday, May 3, 2024

Deterrent qawwi għal bullying fuq l-internet

Aqra wkoll

Il-Gvern qed jaħdem biex il-bullying fuq l-internet u s-cyber stalking isiru reati. Dan qed isir għaliex dan it-tip ta’ bullying sfortunatament iwassal biex il-vittma tweġġa’ lilha nfisha u saħansitra għas-suwiċidju.

Barra minn hekk, ħafna jkollhom stima baxxa tagħhom infushom wara li persuna li jista’ jkun li qatt ma kellhom kuntatt magħha joqgħod idejjaqha u sa ċertu punt jabbuża minnha. 

Qal dan il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis f’intervista li saritlu minn Talk.mt fejn tkellimna miegħu dwar diversi temi fosthom il-liġi l-ġdida dwar is-cyber bullying u s-cyber stalking.

B’rabta ma’ din il-liġi, huwa qal li jrid jinħoloq bilanċ fejn tinżamm il-libertà tal-espressjoni għalkemm ma rridux inħallu persuni jabbużaw b’mod sfaċċat minn wara l-kompjuter jew il-mobile tagħhom. 

“B’mod partikolari qed naħdmu sabiex ikun deterrent qawwi għal dan l-att xejn sabiħ fosthom priġunerija u multa ta’ €30,000,” tenna l-Ministru Zammit Lewis. 

Mistoqsi dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-femiċidju, huwa qal li “ninsabu mnikktin wara dak li ġara ftit tal-ġimgħat ilu lil Paulina Dembska li ġiet maqtula kiesaħ u biered. Kienet traġedja fil-veru sens tal-kelma. Ir-reat b’mod partikolari jista’ jiġi ġudikat li jġorr piena l-ħabs anke għax meta ngħidu femiċidju, qed nirreferu għal qtil voluntarju ta’ mara. Għalhekk qed ngħidu li hemm vjolenza li bl-Ingliż tissejjaħ gender-based u naraw li l-ġudkant imur għall-piena massima jew kważi. Fuq kollox irridu li dan ir-reat ikun parti mill-kodiċi kriminali anke għax sfortunatament dan il-fenomenu qed jiżdied.”

Dwar il-Qorti t’Għawdex u l-problema tan-notifiki, il-Ministru Zammit Lewis spjega li dawn il-problemi kienu dovuti minħabba persuni li issa spiċċaw bla xogħol. “Kien hemm nuqqas ta’ interess ta’ nies li kienu qed jaħdmu f’din il-Qorti u għalhekk raw kif għamlu sabiex ingaġġaw ħaddiema Maltin sabiex jaħdmu hemmhekk u jtellgħu aktar xogħol. B’xorti tajba, il-problema ġiet riżolta u issa qed jaħdmu sabiex dan l-organu amministrattiv f’Għawdex jiġi msaħħaħ u jingħata l-bini li jixraqlu,” qal il-Ministru.

Intant, mal-Ministru Edward Zammit Lewis tkellimna wkoll dwar l-iktar mumenti politiċi li jibqa’ jiftakar. “Bla dubju meta ġejt maħtur bħala Ministru tat-Turiżmu, għalija kien pass ‘il quddiem minħabba li kien settur ferm sensittiv kif ukoll nsejjaħlu l-pompa ekonomika għal pajjiżna. Kienet is-sena 2014 u kien żmien eċitanti għat-turiżmu f’pajjiżna. Fi tliet snin daħħalt diversi inizjattivi importanti għalkemm l-aktar kunċett li jibqa’ wieħed effettiv u li qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla huma l-boutique hotels. Għamilna rivoluzzjoni kbira f’dan is-settur u llum il-ġurnata kburi ngħid li qed naħsdu ħafna mill-frott li żrajna dak iż-żmien. Imbagħad ma nistax ma nsemmix il-kunċerti li organizzajna li ġabu folol kbar kulfejn morna. Fl-istess waqt bdejna anke naraw kif nistgħu nagħmlu aktar attrazzjonijiet fil-belt kapitali tagħna u fi ftit kliem bdejna pjan li kien suċċess.”

“Ma nistax ma nsemmix ukoll il-ħatra li kelli ftit tas-snin ilu bħala Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza, kariga li għadni nokkupaha sal-lum il-ġurnata. Ħsibna sabiex inwettqu riformi importanti li kienu jfissru wkoll li bħala pajjiż inkunu aktar pro-attivi u progressivi. Wettaqna emendi bħal per eżempju l-ħatra tal-president u anke l-membri tal-ġudikatura. Dawn fost ħafna xogħol li sar f’dawn is-sentejn sabiex ikollna governanza tajba, aktar ugwaljanza u fuq kollox aktar ġustizzja.”

Finalment tlabna lill-Ministru Zammit Lewis sabiex iwassal l-aħħar messaġġ tiegħu lill-poplu Malti u Għawdxin. “Nixtieq l-ewwelnett inwassal messaġġ ta’ għaqda. Ninsabu fl-għatba ta’ elezzjoni ġenerali. Ejja ma nħallux diskors ta’ mibegħda jifridna. Fl-aħħar mill-aħħar niftakru li aħna kollha ċittadini Maltin!”.

Sport