Wednesday, April 24, 2024

Ir-Russja naqqset in-numru ta’ suldati stazzjonati qrib l-Ukrajna

Aqra wkoll

Ir-Russja qalet li se tkun qed tnaqqas in-numru ta’ trup­pi li għandha stazzjonati qrib il-fruntiera mal-Ukrajna, liema truppi qegħdin inisslu tħassib serju ħafna ta’ invażjoni imminenti. 

Il-Ministru tad-Difiża Russu qal li t-taħriġ fuq skala kbira għadu għaddej iżda wħud mit-truppi se jkunu qed jissejħu lura lejn il-bażi. Il-ministeru ma tax dettalji dwar kemm se jkun in-numru ta’ suldati li se jitneħħew u s’issa għadu lanqas hu ċar jekk dan hux sinjal ta’ tnaqqis fit-tensjoni. 

Ir-Russja għandha iktar minn 100,000 suldat skjerati qrib il-fruntiera mal-Ukrajna, u minkejja dan hija dejjem saħqet li m’għandha l-ebda pjanijiet li twettaq invażjoni. 

Igor Konashenkov, li huwa l-kelliemi għall-Ministeru tad-Difiża Russu meta tkellem mal-midja qal li t-tħariġ militari li kien qiegħed isir qrib il-fruntiera mal-Ukrajna twettaq kif ippjanat u għalhekk numru ta’ truppi se jkunu qed jitneħħew minn din iż-żona. Min-naħa l-oħra, it-taħriġ fuq skala kbira li qiegħed isir bejn ir-Russja u l-Belarus se jibqa’ għaddej hekk kif dan mistenni li jiġi fit-tmiemu fl-20 ta’ Frar. 

Jekk din l-aħbar hix biż­żejjed biex tikkalma xi ftit il-preokkupazzjoni tal-pajjiżi tal-Punent għadu mhux magħruf. Fl-aħħar kummenti li tat, l-Istati Uniti saħqet li l-invażjoni Russja tal-Ukrajna tista’ seħħ minn ħin għall-ieħor. Min-naħa tagħha r-Russja qiegħda tfittex garanziji li l-Ukrajna ma titħalliex tissieħeb fin-Nato, ħaġa li kemm l-Istati Uniti u l-alleati tagħha m’aċċettawx. 

Sport