Monday, April 29, 2024

KONSUM ESAĠERAT TAL-IKEL

Aqra wkoll

Nikkonsumaw ħafna u dan nagħmluh b’mod esaġerat. Esaġerat sal-punt li xi drabi qisu għada m’aħniex se nsibu x’nieklu jew inkella x’nixtru. Nikkonsumaw b’vizzju aktar milli bi bżonn u dan il-konsum jibda mill-ikel li nieklu, il-komoditajiet, is-servizzi u l-mezzi tat-trasport. Biss biss, insemmu li skont ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ta’ kuljum f’Malta nżidu mal-40 karozza ġdida fit-triq.

Fuq livell Ewropew, il-konsum ta’ prodotti u servizzi per capita s-sena l-oħra kien b’medja bejn is-67% sa 138% fis-27 pajjiżi membri tal-Blokk. Fejn jidħol konsum tal-ikel, iċ-ċittadini Ewropew bħala medja jikkonsuma 2.13 kilogramma ta’ ikel kuljum.

Il-konsum huwa esaġerat is-sena kollha imma f’dawn iż-żminijiet ta’ festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, dan jerġa’ jiżdied u jiżdied sew. Nieklu u niffangaw f’ikla wara l-oħra. Dan biex ma nsemmux il-konsum ukoll esaġerat ta’ ħelu u xorb. Fi ftit kliem, konsum galor.

Il-konsum elevat tal-ikel li baqa’ għoli anke fi żmien l-inflazzjoni b’konsegwenza li l-prezzijiet jistgħu jibqgħu jogħlew. Aktar ma jkun hemm konsum, aktar tiżdied id-domanda u aktar ma’ tiżdied id-domanda, jiżdiedu l-prezzijiet. Agħar minnhekk, fi żmien fejn is-sigurtà tal-ikel hija mhedda, iwassal għal mard serju. Fosthom hemm dak kroniku dak tal-qalb u pressjoni għolja. L-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa lokali ħareġ b’ċifri inkwetanti b’69.75% mill-adulti ta’ bejn it-18 u s-70 sena, ibatu minn piż żejjed.

Il-popolazzjoni Maltija, sfortunatament, hija xempju ta’ obesità. Il-problema tal-konsum esaġerat tal-ikel f’pajjiżna li jwassal għall-obesità, kienet ikkonfermata wkoll minn rapport maħruġ is-sena l-oħra mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO).
Meta nieħdu angolu ieħor, din id-darba fuq skala globali, l-istess konsum esaġerat tal-ikel qiegħed jikkawża ħsara serja lill-ambjent tant li l-mexxejja dinjin u korpi distinti qegħdin jaraw x’azzjonijiet hemm bżonn jittieħdu.

It-trasport tal-ikel, l-ippakkjar u l-preservazzjoni tal-prodotti tal-ikel kollha jirrikjedu enerġija u risorsi li fl-aħħar mill-aħħar, qegħdin jikkontribwixxu għall-emmissjonijiet tas-serra.

Dawn huma l-istess emmissjonijiet li tpoġġew fuq nett tal-aġenda tas-summit tas-COP28 f’Dubai li beda fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Hawn il-mexxejja ta’ 197 nazzjonijiet u l-Unjoni Ewropea, qegħdin ikissru moħħhom jipprovaw jaraw kif se jnaqqsu l-konsum esaġerat tal-ikel bil-għan li jikkontrollaw l-impatt fuq l-ambjent.

Il-ħsara fuq l-ambjent hija f’livelli serji ħafna. Fost diversi twissijiet hemm dik li ħarġet minn studju riċenti li sab li ta’ kull sena, 5.1 miljun persuna żejda qegħdin imutu kawża tal-ħmieġ fl-arja. Hemm ukoll it-theddida li jogħla l-livell tal-baħar hekk kif xjenzati identifikaw massa ta’ silġ fl-Antartika li qiegħda ddub b’rata mgħaġġla. Din ta’ kull sena qiegħda titfa’ 2.16 biljun tunnellatti ta’ silġ fl-oċejan.

Quddiem dan kollu, flimkien ma’ katastrofi ambjentali li ta’ kull sena qegħdin nesperjenzaw f’kull rokna tad-dinja, nemmnu li wasal iż-żmien li nnaqqsu dan il-konsum esaġerat fl-ikel. Biss biss, huwa mistenni li l-Ġnus Magħquda titlob lill-pajjiżi tal-Punent biex inaqqsu l-konsum tal-laħam aħmar. Dan proprju minħabba l-emmissjonijiet fl-arja.

Irridu niftakru wkoll li l-konsum esaġerat huwa mill-pajjiżi żviluppati u li madwar 10% tal-popolazzjoni, jiġifieri 828 miljun persuna, isofru bil-ġuħ. Fuq naħa hemm konsum esaġerat u ħela, mentri fuq in-naħa l-oħra hemm min huwa bla platt sħun quddiemu. Il-konsum esaġerat huwa ta’ ħsara u egoiżmu.

Hekk kif qal Mahatma Gandhi, “fuq din il-pjaneta hemm biżżejjed għall-bżonnijiet ta’ kulħadd imma mhux biex tissodisfa r-regħba ta’ kulħadd”.

Sport