Wednesday, April 24, 2024

Kont sorpriż immens meta l-coach, Jurgen Klopp, ġie jarani nkanta

Jamie Webster; il-kantant uffiċjali ta' Liverpool

Aqra wkoll

Jamie Webster għandu 28 sena u huwa kantant u kitarrista minn Liverpool kif ukoll kittieb tal-mużika. 

Għall-bidu huwa kien jaħdem bħala electrician fejn kien ikollu ħafna ħidma relatata ma’ installaz­zjonijiet elettroniċi u postijiet ġodda. Madankollu hu kellu wkoll passjoni oħra … dik tal-mużika. 

Fil-fatt f’kull tmiem il-ġimgħa huwa kien idoqq f’pubs Ingliżi partikolarment f’Liverpool fejn mill- ewwel kien jisraq ix-xena bl-entużjażmu fil-kant u d-daqq ta’ diversi cover ver­sions.

F’Ottubru 2020, waqt il-perjodu tal-Covid-19 hu­wa ħareġ l-ewwel album tiegħu bl-isem ta’ We Get By li bl-għajnuna ta’ Mo­dern Sky UK wasal fis-sitt post tal-klassifiċi ewlenin Ingliżi. 

Fl-istess sena, Webster ħareġ numru ta’ diski relatati mal-football li wkoll kellhom popolaritá kbira filwaqt li bdew jindaqqu wkoll mir-radjijiet lokali.

Madankollu l-aqwa tal- karriera ta’ Jamie Webster kienet għadha ġejja hekk kif beda jinvolvi ruħu waqt il-logħbiet ta’ Liverpool, it-team li tant iħobb. Saħansitra l-ġurnal influwenti Ingliż The Guardian laqqmu bħala l-kantant uffiċjali tal-club. 

Aktar qabel Webster kien diġá beda juri t-talenti tiegħu bħala mużiċist speċjalment fil-bliet ta’ Kiev u Madrid fejn waqt finali tal-UEFA Champions Lea­gue huwa kanta quddiem 60,000 spettatur. Għalih dan kien l-isbaħ mument li qatt għadda minnu.

Mingħajr ma trid meta titkellem dwar Liverpool u d-divertiment li jinħoloq qabel u wara logħba f’Anfield Road, ħsibijietek     imorru lejn Jamie Webster li ħafna players verament iħobbuh u jammirawh. 

Aktar minn hekk il-coach, Jurgen Klopp, stqarr li jieħu gost jara lil Webster waqt il-wirjiet tiegħu u huwa għalhekk li ġieli jmur sa ħdejh f’xi post tad-divertiment li fih ikun qed ikanta.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Webster li kien f’pajjiżna fejn tkellem dwar iż-żewġ imħabbiet tiegħu … il-mużika u Liverpool FC.

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-mużika?

Bdejt inħobb il-mużika sa minn meta kont żgħir. Kulfejn kont inkun, dej­jem kont inġorr ir-radju miegħi. Jekk kont inkun f’kamra, ir-radju dejjem kien ikun mixgħul u anke fil-karozza ta’ missieri kont nagħmel ċert li nisma’ l-mużika. Mingħajr mużika jien ma ngħix!

Apparti minn hekk meta kont żgħir kont inkanta ħafna u anke kont nilgħab bil-kitarra ż-żgħira li kienu xtrawli.

Meta kont żagħżugħ, kont niffrekwenta diversi postijiet ta’ divertiment bil-mużika pop u techno li dejjem kienu l-favoriti tie­għi.

Madankollu int mhux minn dejjem kont mużiċist minħabba li għamilt żmien taħdem bħala electrician ….

Iva. Fil-fatt għamilt disa’ snin naħdem fl-elettriku. Ovvjament dan ix-xogħol fih ħafna tbatija u għal­kemm nammetti li kont tajjeb fih, bdejt inħoss li posti mhux f’dan is-settur.

Kien għalhekk li bdejt nimraħ aktar lejn il-mużika u nkompli niżviluppa t-talenti tiegħi bħala mu­żiċist. Meta rajt li stajt niż­viluppa aktar dawn it-talenti, iddeċidejt li nieqaf minn electrician u niddedika ħini għall-mużika.

Ismek huwa sinonimu mal-club ta’ Liverpool. X’i­f­is­ser dan it-club għalik?

Dan il-club ifisser kollox għalija. Jien trabbejt u kbirt f’din il-belt u għalhekk hi xi ħaġa nornali li nkun miġbud lejn ir-Reds.

Minn dejjem kont immur nara l-logħob tagħhom fil-”monument” (għax jien hekk insejjaħlu) li għandna f’Anfield Road. F’dawn is-snin kemm ilu nsegwihom rajt diversi players ta’ kalibru li lagħbu bil-flokk aħmar fosthom Robbie Fowler, Steven Gerard u ri­ċentement Mohamed Salah.

X’taħseb fuq Liverpool tal-istaġun li għadu kif intemm? 

Kienu verament żvinturati li ma ħadux il-kampjonat wara li kisbu 92 punt minn 38 logħba. M’hemmx dubju li Manchester City kienu ostaklu diffiċli iżda t-twam baqa’ jemmen sal-aħħar li seta’ jirbaħ il- kampjonat.

Ma nistax ma nsemmix ir-rebħ tal-League Cup u tal-FA Cup li wkoll kienu suċċessi tajbin. B’xorti ħażina ma wasalniex biex irbaħna l-UEFA Cham­pions League minkejja li lgħabna ferm tajjeb kontra Real Madrid.

Minkejja kollox, fiduċjuż għall-futur tal-club li se jkun wieħed pożittiv.

X’taħseb dwar il-coach Jurgen Klopp?

Fl-opinjoni tiegħi, Jurgen Klopp hu l-coach ideali għal Liverpool. Huw coach kapaċi ħafna iżda barra minn hekk għandu l-lat uman tiegħu fejn apparti li huwa motivatur kbir, jagħtik kuraġġ kbir.

Jien personalment kont sorpriż mill-istess Klopp meta kien ġie jarani waqt li kont għaddej indoqq fi club tal-partitarji ta’ Liverpool. Verament kont kuntent u onorat biż-żjara tie­għu fejn prattikament hu ħassu wieħed minna waqt dan l-avveniment.

Int kellek iċ-ċans iddoqq ukoll f’kunċerti tat-tfal. Kif tħossok meta tkun qed tagħ­mel dan ix-xogħol qud­diem dawn iċ-ċkejknin?

Niftakar okkażjoni partikolari meta daqqejt qud­diem folla kbira ta’ tfal f’Anfield. Kienet okkażjoni ferm sabiħa fejn ħadu pjaċir u kantaw għall-mużika li bdejt nipprovdilhom.

Dawn it-tfal għada pitgħada jikbru u jsiru żgħa­żagħ, irġiel u nisa u li se jkomplu jagħtu s-sapport lil dan it-team ferm għal qalbna. 

Tista’ tgħtina d-dettalji dwar il-wirja tiegħek qabel il-finali tal-UEFA Cham­pions League f’Pariġi din is-sena u sentejn ilu f’Mad­rid?

Iva. Il-UEFA kienu stednuni sabiex inkun parti mill-mużiċisti li kienu se jieħdu sehem fil-parti tad- divertiment ta’ qabel il-finali. Għalija kienet xi ħaġa kbira li ndoqq quddiem madwar 60,000 spettatur speċjalment meta inkludejt id-diska “Allez Allez Allez” fejn hemmhekk stajt nara l-folla tipparteċipa bil-kbir.

X’taħseb dwar is-suq tat-trasferimenti tas-sajf? 

Għadna kif akkwistajna lil Fabio Carvalho mingħand Fulham kif ukoll lil Darwin Nunez mingħand Benfica, b’dan tal-aħħar ikun għal somma rekord ta’ £85 miljun. 

Peró ninsabu viċin ħafna li nitilfu lil Sadio Mane li se jingħaqad ma’ Bayern Munich. 

X’taħseb dwar il-Gżejjer Maltin? 

Din hi t-tieni okkażjoni li ġejt f’Malta. Inħossni ferm kuntent li ġejt għal ftit tal-jiem hawnhekk. L-iktar post li affaxxinani huwa San Ġiljan minħabba l-ambjent li hemm u l-baħar sabiħ li hu mdawwar bih.

X’se jkun il-futur ta’ Ja­mie Webster?

Il-futur ħadd ma jafu. Jien se nkompli nirsisti dejjem aktar sabiex inkompli noħroġ aktar mużika u fuq kollox niddeverti lill- pubbliku li jiġi jara l-wir­jiet tiegħi.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lill-partitarji kollha ta’ Liverpool speċjalment dawk ġewwa pajjiżna.

Liverpool huwa wieħed mill-aqwa timijiet tad-dinja … li kiseb suċċessi kbar f’dawn l-aħħar snin u se jkompli jiddomina x-xena tal-football.

Ovvjament jien se ngħidilhom sentenza sinonima ma’ dan il-club: “You’ll never walk alone!”

Sport