Monday, December 23, 2024

Konvinta li se nara Malta aktar b’saħħitha, poplu anqas konfrontattiv u aktar magħqud – Lydia Abela

Aqra wkoll

Inewsmalta fl-aħħar jiem tkellmet ma’ l-avukata Lydia Abela, il-mara tal-Prim Ministru Robert Abela. Staqsejniha dwar kif tara lil Malta wara li tgħaddi l-pandemija, dwar kif inbidlet ħajjitha minn Jannar ‘l hawn u dwar ir-rwol attiv li ħadet fil-Coronavirus Support Platform.

Kif inbidlet il-ħajja ta’ Lydia Abela minn Jannar li għadda? 

Qiegħda nipprova nżomm ħajti normali kemm jista’ jkun u nżomm mar-rutina li kellna bħala familja. Naturalment, l-irwol tiegħi bħala mart il-Prim Ministru ġab miegħu aktar impenji u responsabbilitajiet. Qed nagħmel ħilti kollha biex inkun preżenti fl-irwoli li għandi, kemm bħala omm ta’ tifla ta’ tmien snin, mara ta’ Prim Ministru, u mara li wkoll għandi għal qalbi l-karriera professjonali tiegħi. 

Tħoss li inti għandek tkun magħrufa biss bħala il-mara tal-Prim Ministru jew ser tkun qed tieħu rwol attiv?

Jien Lydia, u nixtieq li nkun maghufa bħala Lydia fil-mod naturali tiegħi, Lydia il-mara ta’ Robert u omm Giorgia Mae. 

Nemmen bis-sħiħ fl-idea li kull mara għandha titqies b’mod awtonomu għall-kapaċitajiet tagħha u mhux għax hija sempliċiment estensjoni ta’ żewġha. Bħalissa qiegħda niddedika ħafna mill-ħin tiegħi biex inkun ta’ spalla għal żewġi fir-responsabbiltajiet tiegħu li jmexxi lil pajjiżna minn din l-isfida bla preċedent li qegħdin ngħaddu minnha. Il-quddiem se nagħti s-sehem tieghi f’setturi li huma għal qalbi b’mod partikolari l-involviment tan-nisa fis-soċjetà, it-tfal u l-annimali. Nemmen ħafna fil-kuntatt man-nies u se nkun qed nagħmel hilti kollha biex nibqa’ viċin in-nies. 

X’messaġġ tixtieq twassal permezz tar-rwol attiv li ħadt fil-Coronavirus Support Platform?

Li għalkemm ‘l bogħod minn xulxin, ħadd ma huwa waħdu f’dawn iż-żminijiet u li lkoll għandna nkunu katina waħda bħala nazzjon f’dawn il-mumenti ta’ sfida. Fl-aħħar jiem, jien u binti Giorgia Mae tajna l-appoġġ sħiħ tagħna lill-inizjattiva Malta Together li hija mmirata li tgħaqqad numru ta’ inizjattivi, attivitajiet u servizzi f’post wieħed. L-għan ewlieni huwa dak li minkejja li ħajjitna fl-aħħar ġimgħat inbidlet drastikament, huwa importanti li nsibu modi oħra kif inqattgħu il-ġurnata u nibqgħu pożittivi. Filwaqt li tennejna l-appell tal-awtoritajiet tas-saħħa biex il-pubbliku jibqa’ d-dar għall-ġid tal-komunità, nagħrfu li dan jista’ jwassal għal ansjetà u solitudni. Permezz ta’ din il-pjattaforma nistgħu għalhekk inkunu ta’ wens għal dawk li jgħixu fis-solitudni li hija ġerħa kbira fis-soċjetà tagħna.

Xi tfisser għalik il-familja?

Il-familja hija kollox għalija. Trabbejt f’familja sempliċi, mimlija għożża u mħabba kbira, bħal ħafna familji Maltin u Għawdxin. Familja li rat lil ommi u lil missieri jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jien u l-erba’ ħuti nistudjaw u nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħna. Familja li għallmitni napprezza kollox, naħseb f’ħaddiehor u nifraħ meta nara li kont ta’ għajnuna għal xi ħadd. Dawn il-valuri li trabbejt fihom fi ċkuniti, fl-adoloxxenza u fiż-żgħożija tiegħi, illum qiegħda nipprattikahom fil-familji tiegħi ma’ Robert u binti.

Xi tfisser il-politika ghalik?

Il-politika hija għodda li biha tista’ tagħmel il-ġid u tkun ta’ servizz għas-soċjetà. Dħalt fil-Partit Laburista snin ilu għax ħassejt li nista’ nkun ta’ servizz għan-nies b’mod partikolari għall-batut u għal dawk li l-aktar għandhom bżonn fis-soċjetà tagħna. Fl-istess waqt emmint u ħdimt biex pajjiżna jwettaq bosta bidliet li l-poplu Malti u Għawdxi kien ilu snin twal għatxan għalihom. Bidliet kbar u oħrajn sempliċi li llum hawn min jeħodhom ‘for-granted’, iżda li fissru bidla pożittiva fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Inhares ‘il quddiem u ninsab persważa li fis-snin li ġejjin, se nkomplu nġibu ħafna aktar bidliet pożittivi f’pajjiżna.

Kif jirnexxilek issib kompromess bejn ir-rwol tiegħek fil-ħajja privata, politika u professjonali?

Nagħmel mezz li dejjem inkun preżenti meta u fejn hemm bżonn. Jirnexxieli għax għandi s-sapport ta’ Robert u tal-familja. Flimkien naraw li nqassmu l-ħin tagħna tajjeb u nkunu prattiċi kemm jista’ jkun. Dan il-vjaġġ qbadnieh flimkien, id f’id u kif iddikjarajt fil-bidu, xogħli huwa li nkun ta’ appoġġ kontinwu fl-irwol li għandu biex iservi lill-pajjiżna.

X’opinjoni għandek fuq il-media?

Il-midja hija għodda importanti ħafna fid-demokrazija ta’ pajjiżna. Il-ġurnalisti għandhom irwol kruċjali ħafna biex iżommu l-istituzzjonijiet tagħna kontabbli fix-xogħol tagħhom. Fl-istess waqt nemmen li huwa fid-dover taghhom li jirrispettaw il-verità tal-fatti u fuq kollox li jimxu b’mod etiku u professjonali b’rispett sħiħ lejn is-segwaċi tagħhom. 

F’intervent riċenti, int sostnejt li din il-pandemija tatna ċ-ċans naraw il-valuri sodi li fuqhom pajjiżna huwa msejjes. Kif tħoss illi l-valuri tal-imħabba, l-familja u s-solidarjetà ser jgħinuna negħlbu l-isfida tal-COVID19?

Huma proprju dawn it-tliet valuri li rajna jispikkaw l-aktar f’dawn il-ġimgħat mindu faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19. Rajna l-imħabba ta’ mijiet jekk mhux eluf ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li taw saħħithom kollha biex jilqgħu għal din il-mixja. Għandi ammirazzjoni kbira lejn dawn in-nies straordinarji li jqattgħu ħinijiet twal fl-isptarijiet tagħna biex jagħtu kura lil dawk li sfortunament laqtu dan il-virus qerried. Magħhom bosta ħaddiema oħra, fosthom pulizija, suldati, ħaddiema tal-protezzjoni ċivili u ferm oħrajn f’diversi oqsma li baqgħu jaħdmu biex ikunu ta’ servizz għalina lkoll. Ħaddiema li lkoll sabu l-wens tal-familji tagħhom li bħalhom għamlu u qegħdin jagħmlu sagrifiċċji kbar biex bħala poplu nħossuna siguri u moħħna mistrieħ li pajjiżna huwa post ta’ serħan il-moħħ. Dawn il-valuri jintrabtu mal-valur tas-solidarjetà li rajnieh jispikka fostna tul dawn il-ġimgħat anke b’sempliċi ġest ma’ qarib jew ġar tagħna li kienu jeħtieġu l-għajnuna f’dan iż-żmien ta’ sfida kbira. 

X’Malta għandna naspiraw ghaliha wara COVID 19?

Konvinta li se nara Malta u Għawdex aktar b’saħħithom, poplu anqas konfrontattiv u ħafna aktar magħqud. Ma jfissirx li rridu naqblu f’kollox iżda nistenna li dan il-mument li tana l-opportunità li bħala poplu nidħlu ftit f’qoxortna u nirriflettu ftit dwar il-ħajja li konna qegħdin ngħixu, jgħina nagħrfu aktar is-sempliċità tal-ħajja u s-sabiħ li hemm f’kull wieħed u waħda minna. 

Inti kellek rwol attiv fil-politika lokali. Kemm tħoss li l-parteċipazzjoni femminili hi b’saħħitha?

Le, mhijiex. Jekk inħarsu lejn ir-rappreżentanti tagħna fil-Parlament, żgur li ma nistgħux ngħidu li aħna sodisfatti bl-għadd ta’ nisa li għandna involuti fil-politika. Għaddew ’il fuq minn ħamsin sena mill-indipendenza ta’ pajjiżna u sal-lum in-numru ta’ deputati nisa fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż għadu wieħed miżeru. Kien għalhekk ta’ sodisfazzjon għalija li fl-aħħar ġimgħat smajna li l-Oppożizzjoni għarfet il-ħtieġa tar-riforma li nieda l-Gvern biex jiżdiedu n-nisa fil-Parlament. Robert jemmen ħafna fil-parteċipazzjoni tan-nisa u konvinta li se jkun qed iħeġġeġ ħafna nisa biex jieħdu sehem attiv fil-ħajja politika. 

X’inizjattivi jistgħu jittiehdu biex naraw parteċipazzjoni ikbar? 

Nemmen li għad hemm bżonn li nżidu l-attiviżmu tan-nisa fis-soċjetà mhux biss fl-isfera politika iżda wkoll f’diversi oqsma ekonomiċi ta’ pajjiżna. Bis-saħħa ta’ miżuri li ttieħdu f’dawn l-aħħar seba’ snin, fosthom l-introduzzjoni taċ-childcare b’xejn, rajna żieda bla preċedent fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. 

L-esperjenza li qegħdin ngħixu f’dawn iż-żminijiet fejn ħafna nisa qegħdin jaħdmu wkoll permezz tat-teleworking tista’ tgħin ukoll biex inkomplu nżidu s-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Tkellimt ma’ bosta li stqarrew miegħi li l-livell ta’ produzzjoni tagħhom baqa’ għaddej u saħansitra kien hemm min tejjeb il-livell ta’ produttività tiegħu. Dan ukoll jista’ jkun mezz importanti biex ikollna sehem aktar wiesgħa tan-nisa fis-soċjetà tagħna.

X’messaġġ tixtieq twassal lill-qarrejja tagħna?

F’dan iż-żmien li qegħdin ngħixu nixtieq minn qalbi nwassal messaġġ ta’ tama u kuraġġ lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Nixtieq nirringrazzja lill-ħaddiema kollha li qed jaħdmu qatiegħ biex din il-pandemija ma tkomplix tikber f’pajjiżna, b’mod partikolari dawk fil-qasam tas-saħħa, lill-carers, lill-Forzi Armati ta’ Malta, lill-Korp tal-Pulizija, lill-ħaddiema tal-merċa u l-hħaddiema tal-cleansing. Grazzi speċjali lill-Profs Charmaine Gauci, il-mara li f’dawn il-mumenti qed iġġorr responsabbilita’ bla preċedent. 

Ejjew nużaw il-ħin li għandna biex ngħollu l-moral ta’ xulxin, inkunu pożittivi u nżommu kuntatt ma’ dawk li huma għeżież għalina. Jiena konvinta li wara din l-isfida li qegħdin ngħixu flimkien, ħajjitna se terġa’ tiġi lura għan-normal. Persważa li dan iż-żmien se jservina biex nirrealizzaw aktar minn qatt qabel kemm huma imporanti li nwarrbu dak li jifridna u ninvestu aktar f’dak li jgħaqqadna. 

Ekonomija

Sport