Thursday, April 18, 2024

Koppja Maltija viċin il-150 jum tal-avventura tal-ħolm tagħhom

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

S’issa żaru 15-il pajjiż u għandhom aktar minn 13,000 ritratt 

Ħafna minna joħolmu, uħud jieqfu fil-ħolma, oħrajn jgħixu bix-xewqa li jwettquha u mbagħad issib minn iħalli kollox u jsegwiha. Għal din tal-aħħar jistgħu jagħtuna spjegazzjoni l-koppja Maltija Norbert u Stephanie li f’Lulju li għadda ħallew pajjiżna fuq vjaġġ twil u skonthom stess “inspjegabbli”. Ir-relazzjoni bejn il-koppja nibdet fl-2012 minn xogħol bankarju li rahom jiftħu negozju flimkien. Matul dak iż-żmien il-koppja dejjem kellhom l-ambizzjoni li jagħmlu xi ħaġa tal-ħolm u llum sodisfatti li sarrfu f’realtà l-ħidma bla waqfien inkluż pjanar biex llum jinsabu viċin il-150 jum ta’ din l-avventura. 

F’intervista ma’ Talk.mt huma spjegawlna dwar il-budget u li hawnhekk jidħol l-isem tal-avventura “Backpacking on a budget”. Norbert spjegalna li din l-avventura bil-limitazzjonijiet ta’ spejjeż xorta tiswa’ eluf ta’ ewro, iżda ovjament kulħadd ikollu l-istil ta’ safar tiegħu. “Biex nfiehem aħjar, li kieku kellna għaxar darbiet iktar mill-budget allokat, nagħżlu l-istess avventura għax is-sempliċità wisq sabiħa”, jkompli Norbert. Fost dawn il-limitazzjonijiet ta’ dawn l-avventuri, il-koppja għażlu li jorqdu man-nies tal-lokal, f’hostels minflok f’appartamenti jew lukandi, jippreparaw l-ikel minflok jieklu f’ristoranti u ħwienet u jimxu jew jagħmlu hitch-hiking minflok iħallsu għal mezzi ta’ trasport. Biex tibqa’ ma’ dan il-kunċett ta’ budget, il-koppja kellha tagħmel riċerka għal xħin tiġi biex taqsam minn post għall-ieħor. 

Mistoqsija li tiġi waħedha kienet jekk jiddispjaċihomx li ma tefgħux ċertu affarijiet fil-basket li telqu bih. Iwieġbu li issa ilhom kważi ħames xhur jgħixu minnu u li fil-basket għandhom fost l-isbaħ memorji li jinkludu aktar minn 13,000 ritratt u filmati. Intant rigward il-lista qabel telqu, huma qalulna li din damet daqsxejn u l-aktar importanti kienu xi ħwejjeġ, dokumenti, mediċini u affarijiet aktar sempliċi bħalma huma ear plugs, microfibre towels u inflatable pillow.

Il-pjan sekondarju huwa “l-ikbar pjan”

Interessanti l-fatt li f’din l-avventura tagħhom jiddeskrivu l-pjan sekondarju bħala l-ikbar pjan. Spjegawlna li għalkemm ikollok pjan ta’ kollox inkluż il-budget li titlaq bih, tinduna li jkollok tadatta għall-post u s-sitwazzjoni li ssib ruħek fiha. Avventura bħal din tgħallmek ħafna. Jiġu ġranet tgħid illum se nonfqu mill-anqas u tispiċċa dahrek mal-ħajt u jkollok taqbeż il-budget u ġranet fejn tiġik tajba u tispiċċa toħroġ bi spejjeż minimi.

Imma minn fejn beda kollox? Din kienet ħolma ta’ Norbert u l-pjan kien li l-avventura ssir fl-Asja, iżda ovjament il-pandemija biddlet kollox. Intant il-bidu tal-pandemija bħal donnu xegħlet bozza lill-koppja li ma setgħetx tibqa’ tgħix fil-limitazzjonijiet li poġġietna fihom il-pandemija. “Konna waqt mixja regolari u meta bdejt naqsam l-idea ma’ stephanie li din l-avventura mmexxuha fuq livell ewropew hi mill-ewwel qablet. Ovjament konna nafu li ma stajnix nagħmlu dan il-pass qabel ikollna d-dokument tal-vaċċin li mingħajru kienet xi ħaġa impossibbli li taqsam minn pajjiż għall-ieħor”, irrakkontalna Norbert.

Il-pjan oriġinali kien li l-avventura ttawwal tliet xhur, iżda kif qalulna qabel, il-pjan huwa l-punt tat-tluq, li jiġri wara huwa parti mill-avventura. Il-pjan kien li jirritornaw Malta f’Ottubru mill-Bosnia u Herzegovina, iżda jumejn wara li daħlu fil-pajjiż, Malta poġġietu fil-lista tal-aħmar skur u biex jirritornaw kellhom jagħmlu 15-il ġurnata kwarantina jew jagħmlu 15-il ġurnata barra minn dak il-pajjiż. Ovjament il-koppja ħaddu x-xoqqa f’moxta biex ikomplu jżuru aktar pajjiżi. Bħala pajjiżi sal-lum żaru 15-il pajjiż li jinkludu l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ukrajna, il-Moldova, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Maċedonja, l-Albanija, il-Montenegro, il-Kroazja, il-Bosnia u Herzegovina, is-Serbja, l-Ungarija u s-Slovakkja. Fl-ivjaġġar tagħhom f’dawn il-pajjiżi, huma qabdu biss tliet ajruplani, mal-116 il-karozza tal-linja, 14-il metro u 10 ferroviji, erba’ vapuri, krew mutur u tliet karozzi.

Kien hemm drabi fejn kienu l-uniċi żewġ barranin

Mistoqsijin dwar l-isfidi ta’ tali avvventura, Norbert qalilna li l-isfidi huma kbar imma kull sfida tista’ tinbidel f’xi forma ta’ soluzzjoni.
Waħda mill-akbar sfidi tagħhom kienet ċertu fruntieri hekk kif huma qasmu minn tal-anqas minn 25 fruntiera u f’numru minnhom ġew mistoqsijin ħafna mistoqsijiet. Barra minn hekk kien hemm drabi fejn kienu l-uniċi żewġ barranin u b’hekk kellhom jinfetħu l-basktijiet u l-proċess ikun ferm itwal. L-itwal wieħed kien dak mill-Ukrajna lejn il-Moldova, b’karozza tal-linja b’60 persuna li sakemm ġew iċċekkjati l-persuni kollha abbord damu mas-sagħtejn u nofs.

Sfida oħra hija l-irqad u l-koppja tista’ tgħid daqu kull forma ta’ akkomodazzjoni minn raqda iebsa ħafna f’vendi tal-linja jew stazzjonijiiet ferrovjarji sa oħrajn aktar komdi f’appartamenti. Minkejja dan huma jsostnu li l-isbaħ iljieli kienu dawk man-nies tal-lokal.

Bħala ikel jipprovaw li jippreparaw għal magħhom. Hemm pajjiżi li jkun jaqbel li tixtri xi affarijiet lesti u barra minn hekk ikun hemm drabi fejn ma jkollokx għażla għax ma jkollokx aċċess biex issajjar. 

Bħala internet kienet aktar faċli milli ħasbu grazzi għar-roaming fl-Ewropa li tagħmilha aktar faċli li tikkomunika. Minn fost il-15-il pajjiż li żaru kien hemm sebgħa minnhom li fihom ma kienx japplika r-roaming. Kien hemm drabi fejn irrealizzaw li lanqas kellhom bżonn l-aċċess għall-internet u drabi oħra daħlu fi ħwienet jew għand xi nies sempliċiment biex jagħtuhom aċċess sakemm jissetiljaw xi affarijiet. Jgħidulna li n-nies s’issa verament kienu twajba u li tidħol titlobhom pjaċir u tispiċċa tagħmel ħbieb ġodda. Oħrajn saħansitra jbiddlu r-rotta li jkunu sejrin fiha biex iwassluk u hawnhekk tasal tapprezza s-sbuħija tal-umanità.

“Spiċċajna mitlufin f’nofs ta’ lejl mingħajr internet, flus jew fejn noqogħdu”

Skont Norbert u Stephanie trid tkun aktar minn bilgħaqal biex tkampa u ma tistax tkun f’pajjiż b’rata ta’ ħajja baxxa u tabbuża. “Waħda milli mhux se ninsew kienet meta spiċċajna mitlufin f’nofs ta’ lejl mingħajr internet, flus, u akkomodazzjoni. Lejl ieħor li kien iebes kien meta konna qed nippreparaw għal wieħed mill-isbaħ vjaġġi tal-avventura u Norbert għamel lejl ma jiflaħx. Agħar minn hekk meta spiċċajna Transnistria u spiċċajna litteralment bla flus, ikel, xorb u lanqas setgħu jiġbdu flus minn ATM’s għax l-karti tal-kreditu mhumiex aċċessibbli. Imma ftit wara tfeġġ persuna tal-lokal u tgħinhom b’kull mezz”, kompliet tirrakkonta ma’ dan is0sit Stephanie. 

Ma stajtx ma nistaqsix dwar jekk kellhomx biża’ minħabba li kienu jafu li se jkollhom jorqdu ma’ nies li ma jafuhomx. Norbert kien ċar u qalilna li jkun hemm mumenti li tħossok xi ftit skomdu, iżda li llum jeżistu ħafna komunitajiet għal dawn l-avventuri u li jekk tagħmel ir-riċerka tkun tista’ taqra dwar l-esperjenzi ta’ ħaddieħor ukoll. 

“Konna preparati fiżikament u mentalment”

Bla dubju, avventura bħal din tirrikjedi preparazzjoni fiżika u mentali. Is-saħħa fiżika hija parti kbira għal dan it-tip ta’ vjaġġar anke minħabba sigħat twal ta’ mixi. Barra minn hekk mentalment trid tkun preparat biex iddawwar l-isfidi f’opportunitajiet. Is-sabiħ tagħha hija li meta xi ħadd minnhom jkollu mumenti ħżiena, il-persuna l-oħra toffri s-sostenn u forsi tieħu ħsieb aktar fir-responsabbilitajiet tagħhom fil-vjaġġ bħalma huma pjanar biex jivjaġġaw jew jorqdu. Kien hemm vjaġġi li kienu twal mal-10 sigħat sħaħ fi dlam ċappa u li warajhom kienu jkomplu fuq vjaġġi oħra li jħalluhom bla saħħa, iżda kif jaslu u jieħdu r-ritratti li kulma jmur qegħdin ikomplu jiżdiedu bħal donnhom jinsew l-għejja kollha.

“Tgħallimna ħafna… Dak li tista’ tagħmel illum tħallihx għal għada

Staqsejnihom dwar l-avventura u kemm jemmnu li tgħinhom fir-relazzjoni ta’ bejniethom. Il-koppja qalulna li jikkordinaw bejniethom biex jgħixu taħt ċertu kundizzjonijiet hija xi ħaġa li trid tgħixha u ma tantx tista’ tispjegaha. Qalulna li tgħallmu japprezzaw is-sempliċità tal-ħajja u li mhix se taqa’ d-dinja jekk tilbes l-istess ħwejjeġ, li tiekol kisra ħobż bil-butir jew li tixrob mill-vit. Imma fuq kollox waħda mill-isbaħ tagħlimiet għalihom hija l-fatt li ltaqgħu ma’ nies b’kulturi differenti u li minkejja li ma jużawx l-istess lingwa, jirnexxielhom jikkomunikaw xorta.

Il-koppja għalqu jappellaw lil kull min ilu jtella’ u jniżżel biex jagħmel avventuri simili li m’hemmx għalfejn imorru għal xi ħaġa daqstant goffa, iżda li “darba ngħixu u għalhekk dak li tista’ tagħmlu llum tħallihx għall-għada”.

Ekonomija

Sport