Fil-prospett tal-Istitut għall-Edukazzjoni li tnieda llum, żdiedu aktar opportunitajiet ta’ taħriġ għall-edukaturi biex b’hekk dan il-prospett illum joffri 44 Kors ta’ Kwalifika, b’sebgħa ġodda: Master of Education Drama; Master of Education Music; Master of Education Modern Foreign Languages; Postgraduate Certificate Health and Social Care; Bachelor of Education (Hons) Business Education and Retail; Award in Assisting the Childcare Education (MQF level 3) u Postgraduate Certificate in Digital Competences for Education.
“Din hija l-missjoni ta’ dan l-Istitut, li jara li dejjem itejjeb dak li joffri u b’hekk ikomplu jgawdu dawk kollha li jidħlu fid-dinja tat-tagħlim tal-edukazzjoni,” irrimarka l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzoni Clifton Grima li nieda l-prospett tal-Istitut għall-2022-2023. “Nieħu gost nara l-kollaborazzjoni li hemm bejn l-Istitut għall-Edukazzjoni u entitajiet edukattivi oħra, fosthom Universitajiet barranin biex inkomplu nagħtu l-aqwa opportunitajiet ta’ taħriġ lil dawk kollha li huma parti mis-sistema edukattiva,” qal il-Ministru Grima.
Fil-fatt, wara ftehim li għadu kemm ġie ffirmat, il-prospett qed joffri wkoll tliet awards mill-Università ta’ Helsinki fil-Finlandja. Dan apparti kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija li qed twassal biex jingħata taħriġ fil-livell ta’ Master Degrees fi STEM Education and Engagement. Tnediet ukoll joint top-up Degree għall-Kindergarten Educators li tfasslet bejn l-Istitut għall- Edukazzjoni u l-MCAST biex issa għandhom l-opportunità li jsiru KGE 3 u b’hekk ingħataw il-possibilità li jtejjbu l-karriera tagħhom. L-Istitut għall-Edukazzjoni jippromwovi edukazzjoni ta’ kwalità għolja għall-edukaturi u studenti fil-livelli kollha, u dan qed jagħmlu billi jikkollabora mal-partijiet interessati, irawwem komunitajiet ta’ tagħlim tal-ogħla livell, filwaqt li jnissel edukazzjoni b’ekwità u ġustizzja soċjali.
Hemm ukoll sessjonijiet indirizzati għall-ġenituri jew kustodji tat-tfal biex dawn jitrawwmu aħjar fil-mod kif jieħdu ħsieb lil uliedhom. Din is-sena kien hemm 75 persuna li attendew dawn is-sessjonijiet.
“Hija prijorità li bħala Ministru responsabbli għall-edukazzjoni, nara li jkun hemm taħriġ kontinwu fuq bażi professjonali u għalhekk il-prospett li qed inniedu llum ikompli jżid fuq opportunitajiet professjonali għall-edukaturi tagħna,” qal il-Ministru Grima.
Bħalissa l-Istitut għandu 354 persuna li jinsabu fit-triq biex jiggradwaw, numru sabiħ u li għandu jinkoraġixxi lil aktar edukaturi biex jieħdu l-opportunità li jkattru t-taħriġ tagħhom. S’issa kien hemm ukoll 101 edukatur li għamel kors qasir u akkreditat mal-Istitut għall-Edukazzjoni u 20 edukatur ieħor għażel li jagħmel sessjonijiet ta’ taħriġ mhux akkreditat.
“Dawn huma numri li jagħtuna kuraġġ u wkoll determinazzjoni li nkomplu nsaħħu dak li noffru, biex sena wara l-oħra nkomplu nżidu ma’ dak li diġa noffru”, qalet Joanne Grima, Kap Eżekuttiv tal-Istitut.