Wednesday, March 27, 2024

KREDIBILITÀ

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Tajjeb li qed jittieħdu miżuri biex jissaħħaħ il-potenzjal professjonali u regolatorju tal-MFSA, l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji.  Iż-żminijiet inbidlu qatigħ minn meta twaqqfet l-ewwel aġenzija maħsuba biex taqdi l-funzjonijiet li llum huma tal-MFSA. Dak iż-żmien ma kien jinstab xejn ta’ barraminnhawn filli l-aġenzija tippromwovi, tilliċenzja u tissorvelja (jew tirregola) is-settur tas-servizzi finanzjarji.

Domna biex fhimna li l-istess awtorità ma setgħetx tibqa’ responsabbli għal dawn il-funzjonijiet f’salt. Domna wkoll biex nifhmu fhiex tikkonsisti eżatt il-funzjoni regolatorja u kif għandha titmexxa bi trasparenza u bis-sod.

Sadattant, mad-dinja – jew talanqas mal-pajjiżi li magħhom ridna l-aqwa relazzjonijiet ekonomiċi u dpolmatiċi – kien qed jinxtered għarfien ta’ kif wara l-liberalizzazzjoni tas-sistema finanzjarja dinjija,  daħal bżonn urġenti ta’ kontrolli kontra l-ħasil tal-flus. Dan kien qed isir fuq skala kolossali biex it-taxxi ma jitħallsux, biex il-profitti minn negozju kriminali jkunu jistgħu jintużaw faċilment u għal finijiet ta’ terroriżmu.

Hu f’dal-qafas li l-MFSA trid taqdef biex tikkonsolida l-ħiliet meħtieġa ħalli tmexxi l-funzjonijiet mogħtija lilha b’mod li internazzjonalment, jiggarantilha kredibilità.

***

“BUSINESS FRIENDLY”

Il-biċċa kienet tkun komika kieku mhijiex pjuttost perversa jew imħawda. Il-Partit Laburista jew uħud mill-mexxejja tiegħu qed jiġu mixlija li kienu (huma?) wisq “business friendly” – ħbieb tan-negozju. Deskrizzjoni li mbagħad iddawret għal “money friendly” – ħbieb tal-flus.

Jew nejja jew maħruqa.

Niftakar żmien… u mhux daqstant bogħod… meta t-tmexxija tal-PL kienet titqies u tixxandar minn nies qrib ta’ dawk li llum qed jagħmlu x-xilja msemmija bħala bil-maqlub… antagonistika għall-interessi tan-negozju.

Il-verità la kienet hekk u bla dubju la hi kif qed jintqal illum. Dwar dak li ġara lbieraħ, biżżejjed niftakar fl-esperjenzi personali tiegħi biex nifhem dil-ħaġa.

***

DWAR ŻEWĠ OMMIJIET

Li nfaħħar xi stqarrija tad-deputata Ewropea Roberta Metsola rari ġara, jekk mhux qatt. Ma nistax imma ma naqbilx u ma nfaħħarx x’kitbet dwar il-każ taż-żewġ ommijiet Torok li ntbagħtu l-ħabs għal sitt xhur għax ivvjaġġaw lejn Malta b’passaporti foloz. Warajhom barra l-ħabs ħallew żewġ subien żgħar li jitkellmu u jifhmu biss bit-Tork u m’għandhom lil ħadd jiġi minnhom fil-pajjiż.

Naqbel mija fil-mija mal-iskantament u l-istmerrija ta’ Metsola għal kif spiċċat din l-istorja, meta f’każi oħra ħafna aktar koroh jew il-proċeduri tħallew jindifnu fir-ramel, jew instabu soluzzjonijiet anqas “krudili”.

Veru li fiż-żminijiet tal-lum, l-użu ta’ passaport falz jitqies bħala reat mill-kbar imma l-akkużati kellhom ċirkostanzi attenwanti għal li għamlu. Jidher li ż-żewġ nisa Torok ma kellhom l-ebda qaddis biex jgħin. 

Il-veri vittmi u kkastigati spiċċaw iż-żewġt itfal.

Ekonomija

Sport