Sunday, December 22, 2024

Ksibna l-inqas rata ta’ kriminalità f’dawn l-aħħar 25 sena

Riżultati pożittivi minn strateġija li bdiet tiġi implimentata ftit aktar minn sentejn ilu…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-sigurtà fil-pajjiż, huwa liema huwa l-pajjiż, hija ta’ importanza kbira għaċ-ċittadini u għaldaqstant huwa xogħol il-gvernijiet li jassiguraw suċċess f’dan il-kamp biex ikomplu jgawdu mill-fiduċja tal-elettorat tagħhom.

Pajjiżna minn dejjem kien magħruf għar-rata baxxa ta’ kriminalità tant li meta tistaqsi lill-barranin x’kienu l-atribwijiet li wasluhom biex jagħżlu lil Malta bħala l-pajjiż ta’ residenza tagħhom, ir-rata baxxa ta’ kriminalità dejjem tissemma’ fuq quddiemnett.

Fil-fatt, minn informazzjoni li ħarġet mill-Parlament irriżulta li f’pajjiżna rnexxielna niksbu l-inqas rata ta’ kriminalità f’dawn l-aħħar 25 sena u dan grazzi għall-ħidma sfieqa mill-membri tal-Korp tal-Pulizija, kif ukoll strateġija mill-Gvern li biha qiegħda tittrasforma lill-istess Korp.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byorn Camilleri, spjega li l-Pulizija ssegwi diversi miżuri biex titnaqqas il-kriminalità ġewwa Malta u Għawdex. Fost dawn il-miżuri hemm dawk elenkati fl-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp, imħabbra fis-sena 2020, liema strateġija hija ppjanata li tiġi implimentata fuq perjodu ta’ ħames snin.

Huwa spjega li, “bosta huma intiżi biex b’xi mod jew ieħor jgħinu wkoll fil-ġlieda kontinwa kontra l-kriminalità meta jiġu implimentati. Għalkemm l-istrateġija ilha ftit aktar minn sentejn li bdiet tiġi implimentata, diġà kien hemm diversi riżultati pożittivi li għenu biex il-kriminalità tonqos, tant li r-rata ta’ kriminalità dan l-aħħar kienet l-inqas li ġiet irreġistrata f’dawn l-aħħar 25 sena”.

Pulizija aktar proattiva għall-prevenzjoni

Fost l-għanijiet prinċipali hemm enfasi li permezz ta’ miżuri li qegħdin jiġu addottati l-Pulizija tkun aktar proattiva u dan biex tipprevjeni minn qabel, li reati jseħħu. Iċ-ċentralizzazzjoni ta’ ċerti servizzi speċjalizzati wkoll għenet f’dan ir-rigward, kif għen ukoll it-titjib fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, sistemi kompjuterizzati u sistemi diversi ta’ teknoloġija. Dawn kollha jservu ta’ deterrent u jgħinu jiddiswadu l-kriminalità.

“Dawn is-sistemi se jibqgħu jitjiebu u jiżdiedu kontinwament. It-taħriġ li qiegħed jitjieb u rivedut għal kull rank fil-Korp, skambju ta’ kapaċitajiet ta’ xogħol investigattiv ma’ forzi tal-ordni ta’ servizzi barranin, kif ukoll it-tqassim ta’ riżorsi aħjar, huma wkoll miżuri li jgħinu biex jintlaħaq dan il-għan,” spjega l-Ministru Camilleri.

Rondi li jservu ta’ deterrent

Dan japplika anke rigward ir-rondi li jsiru minn uffiċjali tal-Pulizija u dawk tal-Komunità, inklużi r-rondi bil-vetturi. “Hawn”, kompla l-Ministru Camilleri, “il-Pulizija tagħmel l-analiżi tagħhom biex tiżgura li dawn isiru fl-aħjar ħinijiet u postijiet bil-għan li jservu ta’ deterrent, anke fost dawk li normalment huma awturi ta’ ċerti reati”.

Huwa spjega li l-Pulizija tal-Komunità tmexxi prinċipji oħra li jgħinu tiżdied is-sigurtà u titnaqqas il-kriminalità. Dawn prinċipalment jinkludu l-bini tar-relazzjonijiet aktar b’saħħithom tal-Pulizija f’kull livell tal-komunità.

Il-pubbliku parteċipi

L-inizjattivi ta’ programmi għall-prevenzjoni tal-kriminalità (crime prevention programmes), inkluż in-neighbourhood watch, ukoll jgħinu biex il-pubbliku jkun aktar kawt u għalhekk ikun ta’ għajnuna f’dan ir-rigward.

“Ma’ dawn hemm ukoll diversi miżuri interni u dawk ta’ investigazzjonijiet, li minħabba raġunijiet ovvji ma jkunx prudenti li tingħata informazzjoni dwarhom, jew aktar dettalji dwar kif il-Pulizija tikkordina l-ħidma tagħha għal dan il-għan,” temm il-Ministru Byorn Camilleri.

Huwa kien qiegħed jirrispondi għal mistoqsija Parlamentari magħmula mid-Deputat tal-PN, Ivan Bartolo.

Ekonomija

Sport