Saturday, May 4, 2024

Madwar 4,600 persuna intitolati u mistennija jitħallsu €8 miljun b’kollox

Applikazzjonijiet ġodda li huma mmirati għall-inġustizzji tal-passat

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Kif kien imwiegħed, il-Gvern għal darba oħra qed ikompli jindirizza anomaliji u inġustizzji tal-imgħoddi u dan billi ddaħħlu kategoriji oħra ta’ ħaddiema fosthom dawk li kienu mat-Telemalta.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal f’kument li ta’ lil talk.mt qal li fl-2017, fost il-wegħdiet elettorali, kien hemm dik tal- iskema maħsuba għall-eks membri tal-korpi, ex-ħaddiema tax-xatt, membri tal-korp tal-pulizija u kif ukoll eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board. L-iskemi tal-Pulizija, tal-Malta Electricity Board u tal-ħaddiema tax-Xatt ingħalqu u għalhekk baqa’ fis-seħħ biss żewġ skemi.

F’Novembru li ġej huwa mistenni li jsiru sitt pagamenti u b’hekk din is-sena se jingħalqu l-kategoriji kollha, minbarra l-kategorija ta’ dawk illi kienu fil-korp tas-16 ta’ Jannar tal-1979, li imbagħad kienu marru fis-settur pubbliku

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Falzon ħabbar it-tnedija ta’ żewġ skemi maħsuba biex jindirizzaw għall-anomaliji tal-imgħoddi. Iż-żewġ skemi huma maħsuba għall-eks membri tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979 u oħrajn li wara daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku. L-iskema l-oħra hija mmirata għal dawk kollha li kienu fil-korp iżda li wara daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku.

Permezz tal-istess skema, madwar 4,500 persuna se jkunu ntitolati għall-għotjiet li jitħallsu skont it-termini tal-iskemi mfassla mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal bi qbil mal-Ministeru għal Finanzi u x-Xogħol, li bejniethom b’kollox mistennija jitħallsu madwar €8 miljun. Din l-iskema hija maħsuba għal persuni li daħlu fis-servizz pubbliku wara s-16 ta’ Jannar 1979 u li qabel din id-data għamlu xi żmien iservu f’dipartimenti tal-Gvern, iżda mhux uffiċjali pubbliċi.

F’każ ta’ mewt ta’ applikant eliġibbli trid issir appplikazzjoni mill-ġdid mill-armla jew mill-eredi awtorizzat. Dan japplika wkoll f’każ ta’ mewt ta’ eredi awtorizzat. L-eredi l-oħra jridu jawtorizzaw min fosthom ser ikun jirraprezenthom billi jissotomettu applikazzjoni ġdida flimkien ma’ dikjarazzjoni magħmula quddiem nutar li fiħa jniżżlu l-isem u dettalji tal-eredi awtorizzat/a.

Bejn wieħed u ieħor, f’dawn l-aħħar sitt snin madwar 3,000 persuna ibbennifikaw mill-għotjiet li ngħataw għas-snin ta’ servizz li għamlu sakemm irtiraw mis-servizz pubbliku. L-iskema bdiet fl-2019 u s’issa medja ta’ 1,530 persuna fis-sena tħallsu bejniethom madwar €3.5 miljun.

It-termini u kundizzjonijiet tal-iskemi mistennija jixxandru fil-ħarġa tal-gazzetta tal-Gvern. Iż-żmien biex wieħed japplika jagħlaq fl-aħħar ta’ Lulju u l-ħlasijiet isiru wara proċess ta’ verifika aktar tard matul is-sena.
Skema għal persuni li daħlu fis-servizz pubbliku

Din tgħodd għal dawk il-persuni li daħlu fis-servizz pubbliku wara s-16 ta’ Jannar 1979 u li qabel din id-data għamlu xi żmien iservu f’dipartmenti tal-Gvern, iżda mhux bħala uffiċjali pubbliċi.

Bejn wieħed u ieħor, f’dawn is-6 snin medja ta’ 3,000 persuna eliġibbli jew l-eredi tagħhom ibbenefikaw mill-għotjiet li ngħataw għas-snin ta’ servizz li għamlu sakemm irtiraw mis-servizz pubbliku. S’issa huma tħallsu b’kollox €35.7 miljun.

Fosthom, kien hemm għadd ta’ persuni li qabel daħlu jaħdmu mal-Gvern għamlu korsijiet ta’ apprentistat.

Skema għal dawk il-persuni li daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku
Dawn kienu:
(i) impjegati f’xi korporazzjoni jew entità pubbliku wara li għamlu xi żmien iservu f’wieħed mill-korpi tax-xogħol imwaqqfa qabel l-1979; jew
(ii) impjegati mal-Gas Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-korporazzjoni Enemalta; jew
(iii) apprentisti mal-Malta Electricity Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-korporazzjoni Enemalta.

Sport