Tuesday, May 14, 2024

Malta u l-Greċja bi ftehim bilaterali għal aktar kooperazzjoni fil-qasam tal-kultura

Aqra wkoll

Waqt żjara uffiċjali fil-Greċja, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, f’isem il-Gvern Malti, iffirma ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Greċja fil-qasam tal-kultura.

Wara ż-żjara tal-ministru għall-affarijiet barranin tal-Greċja f’pajjiżna matul is-sena li għaddiet, il-Ministru Borg laqa’ l-istedina sabiex jitkomplew id-diskussjonijiet f’Ateni. F’konferenza tal-aħbarijiet li saret wara l-laqgħa bilaterali bejn iż-żewġ delegazzjonijiet, il-Ministru Ian Borg qal li matul id-diskussjonijiet li kellu flimkien mal-kollega ministru Grieg komplew jintensifikaw id-diskussjonijiet fis-settur tal-kummerċ, b’mod partikolari bejn start-ups u anke fis-setturi tal-fintech u l-ikel.

Ian Borg kompla jgħid li matul din il-laqgħa ġew diskussi wkoll fid-dettall ir-relazzjonijiet bilaterali u dawk multilaterali, is-sitwazzjoni fin-naħa ta’ isfel tal-Mediterran, l-immigrazzjoni, is-sitwazzjoni fis-Sudan u temi oħra ta’ ġrajjiet kurrenti.

Malta wkoll uriet l-appoġġ tagħha għall-kandidatura tal-Greċja fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda għat-terminu 2025-2026, billi d-delegazzjoni Maltija attendiet għat-tnedija tal-kampanja tal-Greċja. Matul il-laqgħa bilaterali, il-Ministru Borg kellu l-opportunità li jispjega wkoll l-esperjenza ta’ Malta matul dan iż-żmien importanti li pajjiżna qed jokkupa fuq dan il-kunsill u kif qed inkomplu naħdmu sabiex naraw aktar djalogu favur il-paċi madwar id-dinja.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Greċja Nikos Dendias irringrazzja lill-Ministru Ian Borg talli laqa’ l-istedina għal żjara uffiċjali u tal-appoġġ kemm tiegħu kif ukoll ta’ Malta għall-kandidatura tal-Greċja għas-siġġu tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda għat-terminu 2025-2026.

Il-Ministru Dendias wera apprezzament għall-għarfien li Malta għaddiet lil Greċja b’riflessjoni fuq l-ewwel xhur tagħha fuq dan il-kunsill. Huwa rringrazzja lil Malta tax-xogħol siewi li sar matul il-presidenza tagħha u esprima li jħares ’il quddiem għall-presidenza fl-2024. Il-Ministru Dendias żied jgħid li permezz tal-iffirmar li sar aktar kmieni llum juri sinjal ċar tar-rieda li għandhom iż-żewġ pajjiżi biex ikomplu jsaħħu r-relazzjonijiet bilaterali tagħhom.

Il-Ministru Ian Borg u d-delegazzjoni Maltija żaru wkoll lill-ħaddiema fl-Ambaxxata Maltija fil-Greċja taħt it-tmexxija tal-Ambaxxatur Joseph Cuschieri. Il-ministru għall-affarijiet barranin irringrazzja lid-diplomatiċi kollha tax-xogħol importanti li jagħmlu b’risq pajjiżna.

Sport