Kien hemm żmien meta Jum il-Ħaddiem f’Kuba kien immarkat b’parati li kienu jinvolvu miljuni ta’ nies mexjin mill-pjazza ta’ Havana. Ħafna kienu dawk li joħorġu b’konvinzjoni, uħud għax kienu kostretti jagħmlu dan mentri oħrajn sabiex igawdu l-festa.
Iżda għada il-pjazza se tkun vojta, wara li l-partit komunista Kuban ikkanċella ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena minħabba nuqqas fil-provvista tal-petrol li qed iħarbat l-ekonomija tal-gżira. Għal ġimgħat sħaħ, is-sewwieqa spiċċaw jorqdu fil-karozzi tagħhom barra l-pompi tal-petrol fi kjuwijiet twal.
Il-President Miguel Díaz-Canel qal li l-pajjiż qiegħed jirċievi biss żewġ terzi tal-petrol li teħtieġ, u li n-nuqqas huwa dovut għall-fornituri minn nazzjonijiet oħra li naqsu milli jissodisfaw il-ftehimiet kuntrattwali tagħhom.
Minkejja din il-problema, il-kap tal-unjin ċentrali tal-ħaddiema ta’ Kuba, Ulises Guilarte de Nacimiento qal li Jum il-Ħaddiema mhux se jkun ikkanċellata għalkollox f’dan il-pajjiż. Iċ-ċelebrazzjonijiet fil-komunitajiet lokali, l-iskejjel u l-postijiet tax-xogħol se jkomplu taħt kundizzjonijiet “ta’ awsterità massima.”